Edukazzjoni
ARA: Qed jingħataw l-aħħar irtokki fit-tisbiħ u r-rinovar tal-iskejjel

Fix-xhur tas-sajf, meta ħafna mill-iskejjel ikunu baħħ, il-Ministeru tal-Edukazzjoni ħa l-okkażjoni jwettaq xogħlijiet ta’ manutenzjoni u tisbiħ u faċilitajiet ġodda fi kważi 100 skola tal-Gvern madwar Malta u Għawdex. Ħafna mix-xogħol hu lest, bl-ispiża totali laħħqet il-€5 miljun.

TVM żar uħud mill-iskejjel fejn kienu għaddejjin l-aħħar xogħlijiet, qabel mal-ġimgħa d-dieħla l-istudenti u l-edukaturi jibdew sena skolastika ġdida.

Fuq l-għatba ta’ sena skolastika ġdida, il-Ministeru għall-Edukazzjoni għaddej bl-aħħar irtokki ta’ tisbiħ u rinovar f’madwar 100 skola tal-Gvern f’Malta u Għawdex. Fuq wara tal-Iskola Primarja ta’ San Ġiljan, dik li qabel kienet librerija se tinbidel f’childcare centre li se jilqa’ 60 tifel u tifla, b’investiment ta’ €700,000.

“Il-popolazzjoni hawnhekk f’San Ġiljan kibret ħafna u għalhekk qed issir il-ħtieġa kull darba li jinfetħu dawn iċ-childcare centres,” Lawrence Bugeja, Assistent Direttur fil-Ministeru tal-Edukazzjoni.

Fl-Iskola Medja ta’ Ħad-Dingli sar investiment biex klassijiet inbidlu f’laboratorji li jixbhu l-postijiet tax-xogħol. Fihom, l-istudenti se jibdew jitgħallmu suġġetti vokazzjonali.

“Peress li neħħejna xi klassijiet biex jospitaw laboratorji ġodda biex inħallu l-istess numru ta’ klassijiet fl-iskola, żidna żewġ klassijiet li nbnew mill-MEDE,” qal il-Perit Joel Fenech.

Fl-Iskola Primarja ta’ Marsaxlokk sar investiment ta’ iktar minn €300,000 li fost oħrajn jinkludi t-tkabbir taż-żona fejn jilagħbu t-tfal tal-kindergarten. “Se ssir play area bis-soft flooring. Ġiet livellata għax qabel il-play area kien hemm xi diżlivell fiha. Issa ġiet livellata. Il-binja se tibda topera minn din is-sena skolastika.”

It-taqsima tas-Servizz Għożża, li joffri għajnuna lil studenti li joħorġu tqal, se timxi lejn l-Iskola Primarja ta’ Marsaxlokk, għax hemm ippjanati xogħlijiet ta’ rinovar fl-Iskola Primarja ta’ Ħal Qormi.

Fil-Liċeo tal-Ħamrun għaddejjin ġmielhom ix-xogħlijiet fuq il-bini ta’ pont li se jgħaqqad iż-żewġ blokok tal-iskola, biex fost oħrajn titjieb l-aċċessibbiltà għall-istudenti u l-għalliema.

Huwa proġett li se jiswa mas-€700,000 u qed naħsbu li se jkun lest għall-aħħar ta’ din is-sena kalendarja.

B’investiment ieħor ta’ iktar minn €400,000, l-uffċini tal-Migrants’ Learning Unit se jimxu għall-Iskola Sekondarja tal-Ħamrun. “Jistgħu jsiru wkoll xi attivitajiet għall-istudenti minn dan il-unit. Il-binja b’kollox se tospita bejn wieħed u ieħor 20 ruħ.”

Fin-Naxxar, binja ta’ 3 sulari li kienet tintuża mill-MCAST ingħatat dehra ġdida biex tibda tintuża bħala Migrants’ Hub. “Se tilqa’ lil studenti ta’ immigranti tas-sekondarja. Il-binja se topera minn din is-sena skolastika.”

Dawn ix-xogħlijiet huma parti minn investiment ta’ aktar minn €5 miljun f’xogħlijiet li saru fl-aħħar tliet xhur, bi tħejjija għas-sena skolastika li tibda l-ġimgħa d-dieħla.

Aħbarijiet Oħra
Ambjent

Żona li fiha daqs seba’ grawnds tal-futbol, li minn wied naturali nbidlet f’miżbla, qed tingħata wiċċ ġdid biex minflok tibqa’ ġerħa fin-naħa t’isfel ta’ Malta, issir attrazzjoni. Sa wieħed u…

Kultura

Infrastructure Malta appik li tibda operazzjoni delikata, biex taqla’ sħiħ mill-blat qabar tal-perjodu Puniku-Ruman, u tpoġġih fil-ġenb ta’ triq ġdida li qed tibni f’Ħ’Attard. B’hekk din is-sejba ta’ valur arkeoloġiku,…

Immigrazzjoni

TVM jinsab infurmat li matul il-lejl li għadda, grupp ta’ madwar 90 immigrant li ġew salvati fil-Mediterran fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ ta’ Malta ttieħdu fuq vapur tal-Captain Morgan li…

COVID-19

Il-pandemija u r-reħi tar-restrizzjonijiet ġabu magħhom l-użu tal-maskra. Filwaqt li ħafna qed jużawha kif obbligati jagħmlu f’ħafna postijiet pubbliċi, osservajna li bosta qed jilbsu biex taparsi libsuha. Id-Direttur tad-Direttorat tal-Promozzjoni…

Aktar