
Malta qed tfakkar l-54 anniversarju minn meta kisbet l-Indipendenza. Fil-Quddiesa Pontifikali, l-Arċisqof Charles J. Scicluna fakkar fil-ħtieġa tas-solidarjetà. Monsinjur Scicluna qal li fil-jum li fih niċċelebraw l-indipendenza ta’ Malta, niftakru li dan il-pass ġab miegħu responsabbilità kbira għalina bħala poplu, responsabbilità li ngħixu s-solidarjetà ma’ popli oħra, bejnietna Maltin u Għawdxin, u ma’ dawk li se jiġu warajna.
Fl-omelija waqt il-quddiesa pontifikali ta’ Jum l-Indipendenza, l-Arċisqof Charles J. Scicluna qal li fil-jum li fih niċċelebraw l-indipendenza tan-nazzjon tagħna, niftakru li dan il-pass ġab miegħu responsabbilità kbira għalina bħala poplu, responsabbilità li ngħixu s-solidarjetà ma’ popli oħra, bejnietna Maltin u Għawdxin, u ma’ dawk li se jiġu warajna.
Fil-preżenza tal-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, Monsinjur Scicluna qal li aħna l-Maltin, minħabba ċ-ċokon tagħna u fl-istess ħin minħabba l-pożizzjoni strateġika ta’ pajjiżna, minn dejjen fehemna u ippromwovejna s-solidarjetà internazzjonali.
L-Arċisqof qal li aħna u nfakkru fil-ħtieġa tas-solidarjetà nifhmu li qegħdin nimpenjaw ruħna li nuru solidarjetà ma’ min qiegħed fil-bżonn urġenti ta’ għajnuna għaliex qed jaħrab minn ambjent kiefer ta’ disprezz vjolenti tad-dinjità tal-bniedem, qed jaħrab minn destin aħrax ta’ skjavitù u saħansitra tortura u mewt.
“F’dan il-mument tal-istorja ta’ pajjiżna, il-Gvern Malti bir-raġun jappella għall-prinċipju tas-solidarjeta’ bejn il-pajjiżi sħabna fl-Unjoni Ewropea biex ikun hemm risposta adegwata u effikaċi għall-fenomenu tal-immigrazzjoni. Meta l-piż jitqassam, jeħfief, mentri l-kriżi fis-solidarjeta’ thedded il-pedament li fuqu hija mibnija l-Unjoni Ewropea, thedded ukoll lill-istess soċjeta’ tal-ġnus” qal l-Arċisqof.
L-Arċisqof Scicluna kkwota lill-Papa Franġisku jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ solidarjeta li ma tharisx biss lejn l-effett immedjat tad-deċiżjonijiet li nieħdu, iżda wkoll lejn l-effett ta’ deċizjonijiet bħalma huma dawk li jolqtu l-patrimonju ambjentali, kulturali, storiku, arkitettoniku u arkeoloġiku.
Hu sellem lill-Maltin kollha li ħadmu biex Malta jkollha leħen fost il-komunità tal-istati sovrana. Qal li l-politika soċjali li ħaddan l-istat Malti sa minn qabel l-indipendenza u li kompliet titwettaq mill-gvernijiet kollha, turi l-valur tas-solidarjetà u qal li dan jintwera wkoll mill-Knisja, pijuniera f’ħafna oqsma ta’ ħidma soċjali.
Qabel il-quddiesa, il-gwardja tal-unur u l-banda tal-Forzi Armati ffurmat madwar għaxar minuti wara l-ħin skedat minħabba ħalba xita qawwija fil-kapitali. F’misraħ San Ġwann huma laqgħu lid-Deputat Kap Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta, lill-Prim Ministru Joseph Muscat, u lill-President Marie Louise Coleiro Preca, li ngħatat is-salut nazzjonali u spezzjonat il-gwardja tal-unur.
L-attivitajiet uffiċjali ta’ Jum l-Indipendenza komplew quddiem il-monument tal-Indipendenza fil-Floriana. Il-President Marie Louise Coleiro Preca, il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qiegħdu bukketti tal-fjuri fuq il-monument tal-Indipendenza u fl-aħħar ingħata salut ta’ 21 tir mill-kanuni tal-Forzi Armati.
















Tfajla ta’ 24 sena bil-kundizzjoni Bi-Polar qalet li minn ħajja solitarja u dipressiva, illum qed tgħix ħajja feliċi grazzi għal mara li qed tiddedika ħajjitha għal żgħażagħ b’diżabiltà. Fiona Ellul…
Fis-sajf li ġej, grupp ta’ ċiklisti mil-LifeCycle ser jaqdfu elfejn kilometru fi tliet pajjiżi fl-Ażja biex ikomplu jinġabru fondi għar-riċerka fuq il-mard tal-kliewi u biex tkun iffinanzjata għajnuna psikoloġika għall-pazjenti…
Fil-Mużew Marittimu fil-Birgu se jkun hemm esebizzjoni li tiċċelebra l-legat tal-esploratur marittimu, Jacques Cousteau, u l-konnessjoni tiegħu ma’ Malta permezz tal-vapur ‘Calypso’, li wara li baħħar bi vjaġġi bejn Malta…
Kumpanija Maltija li bbenefikat mill-programm nazzjonali ta’ Riċerka u Innovazzjoni, Fusion, bdiet tipproduċi sistemi ta’ dawl LED biex jintużaw f’kumplessi sportivi. F’kollaborazzjoni ma’ SportMalta, il-kumpanija Altern bdiet tinstalla sistema ta’…