Kronaka
ARA: Raġel armat b’sikkina jisraq minn ħanut tal-mobiles f’Birkirkara

Filmat miġbud minn kamera tas-sigurtà jaqbad il-mumenti li fihom raġel daħal jisraq minn ħanut tal-mobiles f’Birkirkara jumejn ilu.

Fi stqarrija maħruġa nhar l-Erbgħa, il-Pulizija qalet li l-hold-up fi Triq Mannarino seħħ għall-ħabta tas-6.45pm, u li l-kaxxier; raġel ta’ 20 sena li jgħix Ħ’Attard, intalab il-flus minn raġel li kien armat b’sikkina.

Fil-filmat ir-raġel jidher mitluq ma’ parapett faċċata tal-ħanut, fejn beda jilbes il-beritta u tella’ l-barnuża tal-flokk fuq rasu. Wara ftit li qasam it-triq, bis-sikkina li kellu f’idu r-raġel qata’ t-tape li kien hemm mal-bieb u baqa’ dieħel fil-ħanut.

Huwa jidher ikellem lill-kaxxier u jippuntalu s-sikkina lejh, waqt li poġġa basket fuq il-bank, fejn ġiegħel lill-kaxxier ipoġġi l-oġġetti fih.

Kull min jagħraf lil dan ir-raġel jew għandu xi tagħrif huwa mitlub jgħaddiha lill-pulizija. Fil-każ qed titmexxa inkjesta mill-Maġistrat Astrid May Grima.

Ara wkoll:

Il-pulizija tinvestiga hold-up minn ħanut f’Birkirkara