Kultura
ARA: Restawr ta’ kurċifiss u kwadru li jirrappreżentaw ix-xena tal-Golgota fi tliet dimensjonijiet

Il-parruċċani tas-Siġġiewi 320 sena ilu kkummissjonaw żewġ biċċiet tal-arti, kurċifiss u kwadru li flimkien jirrappreżentaw ix-xena tal-golgota fi tliet dimensjonijiet. Din l-opra tal-arti kienet saret f’Ruma. F’dan iż-żmien kemm il-kurċifiss kif ukoll il-pittura jinsabu għaddejjin minn proċess ta’ restawr bil-kollaborazzjoni tal-Bank of Valletta.

Kurċifiss u kwadru li jinsabu fil-Knisja ta’ San Nikola fis-Siġġiewi u li jmorru lura għall-aħħar tas-seklu 17, fuq mgħedda ta’ sena ser jgġaddu minn proċess ta’ restawr biex jerġgħu jittieħdu lura għall-glorja oriġinali tagħhom. Ix-xogħol qed isir taħt id-direzzjoni tar-restawratriċi Agatha Grima. Hija spjegat li r-restawr qed isir f’diversi stadji wara li saret riċerka xjentifika.

”L-ewwel fażi ta’ tindif fejn aħna neħħejna legi ħoxnin ta’ verniċ ossidat, ħmieġ u anke rtokk antik. It-tieni proċess peress li nstab li t-tnejn kellhom bżonnijiet ta’ tisħiħ strutturali fejn ser nagħmlu konsolidament u anke rintellar tal-pittura nfisha, wara nagħmlu integrazzjoni pittoreska u nagħtu applikazzjonijiet protettivi.”

Ir-restawratriċi Grima qalet li waqt il-proċess ta’ restawr ħarġet ċara r-relazzjoni tal-kurċifiss mal-isfond tal-pittura. Spjegat li dan ħareġ permezz tal-kuntrast tal-kuluri vibranti tal-kwadru u l-Kristu fuq is-salib fl-aħħar mumenti ta’ ħajtu.

L-Arċipriet tas-Siġġiewi Fr Josef Mifsud qal li l-kwadru u l-kurċifiss jindikaw x’sens qawwi ta’ sagrifiċċju l-parruċċani Siġġiwin kellhom biex minkejja l-faqar ta’ dak iż-żmien ġabru fondi biżżejjed biex saru l-kuntatti biex jibda x-xogħol ġewwa Ruma possibbilment taħt id-direzzjoni ta’ Lorenzo Gafà. Il-pittura hija attribwita lill-Artist Michelangelo Marulli filwaqt li l-kurċifiss ħareġ minn idejn Giovanni Battista Vanelli.

L-Arċipriet tas-Siggiewi, Fr Josef Mifsud qal ”dan jifforma qisu l-altar fil-kappellum tad-duluri, wieħed mill-artal fil-knisja parrokkjali , għallanqas in-nies tar-raħal nafuh dejjem imdallam u skur. Ċert li n-nies tar-raħal ser tkun sorpriża pożittiva meta tara li ser terġa’ toħroġ is-sbuħija oriġinali ta’ dan ix-xogħol sabiħ.”

Ix-xogħol ta’ restawr qed isir bl-għajnuna finanzjarja tal-Bank of Valletta wara li l-Fondazzjoni Patrimonju Siġġiewi identifika l-kurċifiss u l-kwadru li flimkien jirrappreżentaw ix-xena fuq il-Golgota biex jgħaddu minn proċess ta’ rinnovazzjoni ħalli dan il-patrimonju reliġjuż ikompli jitgawda.