Lokali
ARA: Santa Klaws ta’ Malta jiġġieled l-isfidi mentali bil-pożittività u l-ferħ

Albert Mc Carthy magħruf bħala s-Santa Klaws ta’ Malta, jagħti kuraġġ lil kull min għandu mard mentali, l-iktar f’dawn iż-żminijiet ta’ festi meta ħafna drabi, l-isfida għal dawn il-persuni tkun ikbar. Is-Sur Mc Carthy li fil-passat għadda minn sfidi mentali, f’dawn iż-żminijiet jilbes ta’ Santa Klaws f’diversi lokalitajiet, stqarr li jemozzjona ruħu meta jirċievi ittri minn tfal li jkunu għaddejjin minn problema partikolari.

Albert Mc Carthy u l-martu Lina ilhom miżżewġin ħamsin sena, u fl-aħħar snin daħlu fid-drawwa li jilbsu l-kostum ta’ Santa Klaws u jiltaqgħu wkoll ma’ sitwazzjonijiet ta’ nies li jaqsmu magħhom in-niket tagħhom. Is-Sur Mc Carthy li kellu sfidi kbar minħabba l-kundizzjoni mentali bi-polar, waqqaf grupp Be Positive, għaliex jemmen li l-isfidi mentali tista’ tiġġilidhom bil-pożittività.

Albert Mc Carthy qal “kunu pożittivi, kull min għandu problema iħares ‘il fuq hemm il-Mulej li se jgħinu basta ma jaqtax qalbu, għax il-futur jeżisti u jekk timxi ‘l quddiem żgur se jirnexxilek”.

Il-mara tiegħu Lina, li flimkien ma’ żewġha għandhom tlett itfal u tmien neputijiet tirrakkonta li dawn huma l-isbaħ żminijiet tas-sena, anki għax ikollhom iċ-ċans li jitkellmu ma’ ħafna nies fid-diversi lokalitajiet li jduru biex iferrħu kemm jistgħu. Lina qalet li wara li flimkien ma’ żewġha għaddiet mill-isfidi mentali, trid tagħti kuraġġ biex min iħossu waħdu jagħmel il-kuraġġ u jsib il-ferħ.

Lina Mc Carthy qalet “inti taqdef kontra l-kurrent u tirbaħ u toħroġ iktar b’saħħtek”.

Is-Sur Mc Carthy qalilna li jqatta’ ħafna ħin jaqra l-ittri li jirċievi mit-tfal bix-xewqat għal dak li jridu jaqilgħu fil-Milied, iżda xi drabi jispiċċa sorpriż b’ittri ta’ tfal li jiftħu qalbhom miegħu.

Albert Mc Carthy qal “wieħed li jimpressjonani ħafna, kienu żewġt itfal li flok nagħti rigali lilhom, nagħtihom lit-tfal msejkna tas-Sirja”.

Il-koppja Albert u Lina Mc Carthy, kif jilbsu l-kostum verament iħossuhom is-Santa Klaws jidħlu fid-dinja tal-fantażija fi vjaġġ lejn din id-dinja maġika li jnissel il-ferħ li jagħmel ġid lill-qalb u lill-ispirtu tagħna.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

“Għajnu Aħmar it-Tonn” jew “It-Tonn tal-Melliħin” kienet l-għajta tas-sajjieda Melliħin li sal-bidu tas-sittinijiet kienu jbiegħu t-tonn li jaqbdu bit-Tunnara. Is-sajd bit-tunnara nqata’ iżda fil-mużew tat-Tunnara fil-bajja tal-Mellieħa, għaqda volontarja Melliħija ikkonservat…

Pulizija

Fl-aħħar xahrejn, l-uċuħ ta’ erba’ Pulizija saru familjari mal-komunità tal-Mellieħa. Ir-residenti laqgħuhom u jqisuhom “ta’ ġewwa”. Dawn l-erba’ uffiċċjali jiffurmaw l-ewwel Community Policing Team fi proġett pilota mniedi mill-Korp. Intervistat…

Malta

Fil-Greċja, hemm madwar 3,500 persuna b’konnessjonijiet Maltin, il-maġġoranza f’Korfu fejn jgħixu Griegi b’nisel Malti li saħansitra jwasslu sar-raba’ u l-ħames ġenerazzjoni. Waqt żjara fil-Greċja, il-President George Vella ltaqa’ ma’ rappreżentanti…

Aktar