Lokali
ARA: Se jkun hemm tariffi żejda għal xiri onlajn mir-Renju Unit?

Konsumaturi Maltin li fl-aħħar jiem waslulhom oġġetti li xtraw onlajn mir-Renju Unit bdew iħabbtu wiċċhom mar-realtà ġdida ta’ spejjeż akbar minħabba l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea.

Dan minħabba li ħafna mill-oġġetti huma suġġett għall-VAT u d-dazju, realtà li wasslet biex kumpaniji bbażati fir-Renju Unit iwaqqfu s-servizzi tagħhom lejn Malta minħabba ż-żieda fil-burokrazija.

Fl-ewwel jiem ta’ din is-sena, konsumatur Malti xtara oġġett manifatturat iċ-Ċina minn website ibbażata fir-Renju Unit għall-prezz ta’ €160.

Madanakollu meta l-oġġett wasal Malta, il-konsumatur intalab iħallas €47.68 oħra f’VAT u dazju.

Dan seħħ riżultat tat-tariffi il-ġodda li daħlu fis-seħħ wara li r-Renju Unit ħalla l-Unjoni Ewropea u ma baqax fis-suq wieħed fejn in-nies, il-prodotti, is-servizzi u l-kapital jiċċaqilqu bla xkiel.

Waqt li għall-prodotti li jiswew inqas minn €22 mhemmx ħlas addizzjonali ta’ VAT jew dazju.

Issa wieħed irid jibda jħallas 18% VAT fuq oġġetti li ġejjin mir-Renju Unit li jiswew aktar minn €22, għajr għal kotba fejn ir-rata tal-VAT hija ta’ 5%.

F’każ li l-oġġetti jiswew aktar minn €150, id-dazju fuqhom ivarja skont l-oġġett.

Il-kap tal-operat tal-MaltaPost, Adrian Vassallo qal li dan se jħalli impatt kbir fuq il-kumpanija li fl-aħħar snin esperjenzat żieda qawwija ta’ xiri mir-Renju Unit speċjalment f’tagħmir elettroniku, ħwejjeġ u kotba.

”Minn sena għall-oħra naraw żieda tajba fuq il-pakketti u oġġetti li jinxtraw online. Naraw anke persentaġġi ta’ 20 fil-mija ta’ sena fuq l-oħra żieda. L-Ingilterra hi l-iktar pajjiż minn fejn il-Maltin l-iktar jordnaw minn Malta.”

Is-Sur Vassallo qal l-uffiċjali tad-dwana jispezzjonaw kull oġġett li jasal minn barra l-Ewropa u jistgħu jitolbu lix-xerrej għal aktar provi dwar kemm jiswa. Spjega li skont dan it-tagħrif, jiġu kkalkulati l-VAT u d-dazju fuqhom. Żied li l-oġġett jiġi impustat ladarba dawn it-tariffi jitħallsu mix-xerrej.

Maltin li fl-aħħar jiem marru biex jixtru minn fuq sit eletroniku bbażat fir-Renju Unit li jbiegħ il-kotba b’sorpriża sabu li Malta m’għadhiex fil-lista ta’ pajjiżi li jesportaw lejha

F’email li Television Malta għandu kopja tagħha, din il-kumpanija qalet li waqfet tibgħat kotba lejn Malta minħabba r-relazzjoni ġdida li hemm fis-seħħ bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea iżda qed taħdem biex fl-iqsar żmien terġa tibda s-servizz lejn Malta.

Is-Sur Vassallo qal li din ir-realtà qed tiġi esperjenzata minn diversi kumpaniji fir-Renju Unit, l-aktar minħabba ż-żieda fil-burokrazija u d-dokumenti li jridu jimlew.

”Hemm kumpaniji, ħafna minnhom żgħar li tant ġiethom għolja biex jibgħatu lejn l-Ewropa li ddeċiedew li jieqfu jibgħatu lejn l-Ewropa. Hemm kumpaniji kbar li forsi biex joffru l-istess esperjenza lill-klijenti Ewropej, waqfu temporanjament jibgħatu lejn l-Ewropa sakemm isibu soluzzjoni.”

Is-Sur Vassallo qal li minħabba l-pandemija, esperjenzaw dewmien biex ċertu oġġetti jaslu Malta.

”Jekk għamilt order qabel l-ewwel ta’ Jannar imma l-bejjiegħ bgħatu wara l-ewwel ta’ Jannar, hemm se teħel il-VAT u d-dazju. Jekk dan beda l-vjaġġ qabel l-1 ta’ Jannar, l-oġġett se jiġi kkunsidrat bħala oġġett mill-UE u ma jitħallsux VAT u dazju.”

Diversi kumpaniji qed jindikaw ir-rati li jridu jitħallsu għall-importazzjoni ta’ oġġetti fuq is-sit elettroniku tagħhom.