Kronaka
ARA: Selħulhom eluf ta’ ewro biex japplikawlhom għall-viża f’Malta u ħallewhom b’xejn

Għadd ta’ persuni qed jallegaw li huma vittmi ta’ skema qarrieqa li selħitilhom eluf kbar ta’ ewro biex japplikaw għall-visa bil-għan li jaħdmu f’Malta.

Żewġ ħaddiema mill-Indja li jinsabu f’Malta tkellmu ma’ TVM dwar kif ġew avviċinati minn persuna li kienet taħdem bħala maniġer tar-riżorsi umani f’kumpanija magħrufa f’Malta.

Din il-persuna, li għaddejjin proċeduri kriminali kontriha fil-Qorti, talbithom jgħaddulha CVs ta’ qraba u ħbieb tagħhom fl-Indja li huma interessati li jaħdmu f’Malta, għax qaltilhom li l-kumpanija se tidħol għal proġett kbir u għandha bżonn iktar ħaddiema.

“She said we need 120 persons for a new project,” qalilna wieħed mill-ħaddiema. “Yes, I encountered the same thing, because they said they have a 600 room project, a care home, the same day the HR spoke to me: ‘I need about 100 persons,’” qal il-ħaddiem l-ieħor.

Għal kull applikazzjoni għall-permess talbithom €650, bil-ftehim li meta l-permess jinħareġ, iridu jħallsu €3,500 oħra. Jgħidu li anki huma ħallsu l-flus biex ġew jaħdmu f’Malta, u meta fittxew xogħol ma’ kumpanija oħra wkoll intalbu l-flus, għalhekk ħasbu li kienet proċedura normali.

“I paid 4,000 euro for the visa, at that time I thought if someone wants to come to Malta, they need to pay. I searched for a job for my brother, then I met one company, I went there, and the company also asked for monies.”

Wieħed minn dawn il-ħaddiema, li jagħmel xogħol tekniku, allega ma’ TVM li f’Awwissu 2020 ta lil din il-persuna €16,250 flimkien ma’ 25 CV ta’ Indjani sħabu li xtaqu jiksbu Visa biex jaħdmu ma’ din il-kumpanija f’Malta.

Minn dak iż-żmien ma sema’ xejn iktar, u tentattivi biex jagħmel kuntatt ma’ din il-maniġer, li m’għadhiex impjegata mal-kumpanija fejn jaħdem, ma wasslu mkien. Dwar dan huwa għamel rapport lill-Pulizija.

Il-ħaddiem l-ieħor li tkellem ma’ TVM spjega kif sadanittant l-istess persuna ngħaqdet ma’ persuna oħra u flimkien waqqfu minn tal-anqas żewġ kumpaniji ta’ reklutaġġ, li permezz tagħhom qed jiffirmaw kuntratti fittizji bil-għan li jkomplu jiġbru eluf ta’ ewro għall-applikazzjoni tal-visas.

Il-Malta Business Registry kkonferma ma’ TVM li dawn il-kumpaniji mhumiex irreġistrati, u li lanqas hemm applikazzjonijiet pendenti biex ikunu mniżżla f’dan ir-reġistru.

TVM għandu f’idejh kopja ta’ wħud minn dawn il-kuntratti ffirmati ma’ ħaddiema prospettivi differenti, li fuqhom jidhru dejjem l-istess żewġ persuni bħala Kap Eżekuttiv u Direttur Maniġerjali.

Il-ħaddiem qalilna li kull meta ltaqa’ ma’ dawn il-persuni biex jiġbor kuntratt u jgħaddi l-ħlas f’isem qrabatu jew sħabu fl-Indja, qatt ma ġie milqugħ f’uffiċċju, u dejjem kienu jgħidulu li l-uffiċċju għadu qed jitlesta.

Fl-istess ħin, isostni li dawn il-persuni tant kienu fabbli u jitrattawh qisu tal-familja, li kien isibha diffiċli biex jissuspetta ħażin, tant li kien saħansitra jagħti lil waħda minnhom il-card tal-bank biex tkun tista’ tiġbed il-flus mill-ATM f’ismu.

Jgħid iżda li dan kollu nbidel meta beda jistaqsi fhiex waslu l-applikazzjonijiet tiegħu u ma bediex jieħu risposti sodisfaċenti. “We give the CVs, we give the money, after one and a half years, no response,” qalilna dan il-ħaddiem. Kien hawn li beda jindaga u skopra li l-kumpaniji ma kinux irreġistrati.

F’recordings li TVM għandu f’idejh, waħda mill-persuni tinstema’ tgħidlu li “mhux biċċa tiegħu” jekk il-kumpanija li ffirma l-kuntratt magħha hix reġistrata jew le, u li m’għandux dritt jagħmel riċerka fuqha.

Jisħaq li meta baqa’ jippersisti, beda wkoll jiġi mhedded. Jallega li dawn il-persuni qed jibqgħu jċemplulu minkejja li qed jistenna biex jitla’ jixhed fil-proċeduri tal-Qorti. “The main things they say ‘you are foreign, you cannot do anything here because you’re in Malta, go back home’, or ‘shut up your mouth.’”

Iż-żewġ ħaddiema jgħidu li jafu b’għexieren ta’ persuni oħra li waqgħu f’din in-nasba. Huma jixtiequ jiftħu għajnejn persuni bħalhom biex ma jingidmux ukoll. “I met one lawyer, he said it’s an illegal business… the company doesn’t have any right to take the money.”

Għall-mistoqsijiet ta’ TVM dwar dan il-każ, il-Pulizija qalet li ma tistax tikkonferma jew tiċħad din l-informazzjoni minħabba Artiklu 87 fl-Att tal-Pulizija. Dan l-artiklu jgħid li l-Pulizija ma tistax tiżvela dettalji lill-mezzi tax-xandir dwar l-identità ta’ persuni arrestati fuq suspett li wettqu reat.

L-identità tal-persuni involuti mhux qed tixxandar biex ma jkunux ippreġudikati l-investigazzjonijiet tal-Pulizija u l-proċeduri pendenti fil-Qorti.