Lokali
ARA: Sena rekord ta’ qabdiet mid-Dwana b’sigaretti tal-kuntrabandu, oġġetti foloz u droga

Iċ-ċelebrazzjoni f’Malta, il-ġimgħa d-dieħla, tal-ħamsin sena mit-twaqqif tal-għaqda li tiġbor id-dipartimenti tad-dwana tal-Unjoni Ewropea se ssir f’sena li fiha d-Dwana Maltija rreġistrat rekords ta’ qabdiet ta’ sigaretti tal-kutrabandu, droga u oġġetti b’marki foloz. Id-direttur tad-Dipartiment, Joseph Chetcuti, qal li Dwana b’saħħitha fuq il-fruntiera hi għodda oħra fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-ħasil tal-flus.

Id-Dwana ħattet fl-imħażen tagħha 37 miljun sigarett tal-kutrabandu li kienu ppakkjati f’kaxxi tal-kartun li nqabdu f’erba’ containers fil-Freeport. Is-sigaretti li kienu fi triqthom mill-Kambodja għal-Libja, huma ta’ marka popolari fl-Eġittu iżda rriżulta li mhumiex oriġinali. Id-Direttur Ġenerali tad-Dwana, Joseph Chetcuti, qal li dan ġie konfermat lid-Dwana mir-rappreżentanti legali f’Malta tal-kumpanija li timmanifattura dawn is-sigaretti. L-istess rappreżentanti fetħu proċeduri fil-qorti ċivili dwar il-falsifikazzjoni tal-marka.

Id-Direttur Ġenerali tad-Dwana, Joseph Chetcuti qal ”jibqgħu hawn sakemm il-każ jinstema’ quddiem il-Qorti. Imbagħad meta l-Qorti tiddeċiedi fuq il-mertu tal-każ niddeċiedu skont id-deċiżjoni tal-Qorti.”

Is-Sur Chetcuti qal li sigaretti foloz jinvolvu ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali b’serq lil ditti rinomati li joperaw skont ir-regoli tax-xogħol. Żied jgħid li l-prodotti bħal dawn ikunu ta’ kwalità inferjuri u jaf ikunu ta’ ħsara akbar għas-saħħa. Irrimarka li l-profitti minn sigaretti foloz huma akbar, bil-flus ħafna drabi jistgħu jmorru biex jiffinanzjaw terroriżmu.

Anke jekk din is-sena fadlilha kważi xahrejn biex tintemm, id-Dwana diġà kisbet riżultati tajbin ħafna fil-ġlieda kontra l-kriminalità b’qabdiet rekord għal kull żmien. Biż-żewġ qabdiet ta’ din il-ġimgħa, telgħu għal 54 miljun is-sigaretti tal-kutrabandu maqbuda din is-sena. Id-Dipartiment qabad ukoll 86 miljun prodott mhux oriġinali, erba’ darbiet aktar mil-oġġetti maqbuda fis-sentejn ta’ qabel. Rekord ukoll fil-qabdiet ta’ droga kannabis: 11-il tunellata b’kollox. Id-droga kokaina maqbuda mid-dwana s’issa din is-sena tiżen 2 kilogrammi.

Id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tad-Dwana, Joseph Chetcuti qal ”dawn ir-riżultati nara l-għerq tagħhom fl-investiment li qed jagħmel Gvern fid-Dwana u l-fiduċja li qed juri. Investiment kemm fit-teknoloġija, reklutaġġ u taħriġ tan-nies u r-riżultati qed jidhru.”

Is-Sur Chetcuti saħaq li apparti l-irwol fiskali biex jiġbor taxxi dovuti lill-gvern, id-dipartiment tad-dwana għandu l-obbligu li jipproteġi lis-soċjetà, l-ambjent, is-saħħa tan-nies, u ż-żamma tal-istandards permezz ta’ infurzar fuq dak li jidħol jew jgħaddi minn Malta.

”Dwana b’saħħitha fuq il-fruntiera jfisser li għandek għodda oħra b’saħħitha fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus” sostna s-Sur Chetcuti.

B’dawn ir-riżultati f’idejha, nhar il-Ġimgħa d-Dwana se torganizza ġurnata attivitajiet maħsuba biex tqarreb lin-nies ma’ ħidmietha. L-attivitajiet qed jiġu organizzati fl-okkażjoni tal-ħamsin sena mit-twaqqif tal-għaqda li tiġbor id-Dipartimenti tad-Dwana tal-istati fl-Unjoni Ewropea. Fost l-inizjattivi: it-tnedija ta’ publikazzjoni, logħba għat-tfal, seduta parlamentari speċjali u attivitajiet għall-pubbliku fuq barra tal-Parlament.