Ara: Ser jiftħu mill-ġdid l-iskejjel nhar it-Tnejn?

Jekk hawn settur li ġie milqut bil-bosta mill-pandemija li ilna naffaċjaw għal dan l-aħħar tlettax-il xahar huwa propju s-settur edukattiv mhux biss f’pajjiżna iżda madwar id-dinja.

Popolin mar f’ras il-għajn biex nifhmu aħjar is-sitwazzjoni preżenti u x’inhuma l-intenzjonijiet tal-awtoritajiet. Tkellimna ma’ Dr. Frank Fabri, Segretarju Permanenti tal-Ministeru tal-Edukazzjoni. Fabri saħaq li fil-mument, l-istess kif ilu jsir għal dawn l-aħħar xhur l-awtoritajiet qegħdin ipoġġu madwar l-istess mejda biex jiġu diskussi diversi fattur dejjem fl-aħjar interess tal-istudenti u l-edukazzjoni tagħhom. “Qegħdin naħdmu biex nipproteġu kull komunità li għandna f’kull skola”.

Żied jgħid li bħala awtoritajiet qegħdin jiddiskutu x’inhu l-aħjar mod kif jista’ jiġi faċilitat it-tagħlim u l-edukazzjoni għaliex mingħajr dan is-settur, ikun hemm riperkussjonijiet fuq it-tfal u l-istudenti, l-ekonomija, il-postijiet tax-xogħol u Malta fl-intier tagħha.

“Ninsab infurmat li sa nofs din il-ġimgħa l-awtoritajiet konċernati se jkunu qegħdin jibgħatu direzzjoni ċara ħafna fuq x’għandu jsir nhar it-Tnejn, direzzjoni li m’għandiex tkun mibnija fuq opinjonijiet, fehmiet jew xewqat imma direzzjoni mill-awtorità tas-saħħa abbażi ta’ evidenza xjentifika”. Fabri tenna li skond id-direzzjoni tal-awtoritajiet se jkunu qegħdin jaddattaw biex jirrispettaw id-deċiżjoni meħuda.