Kronaka
AĠĠORNAT: Raġel fil-periklu tal-mewt wara li waqa’ bil-mutur f’Ħal Farruġ

Raġel ta’ 67 sena mis-Siġġiewi jinsab fil-periklu tal-mewt wara li kien involut f’inċident fil-limiti ta’ Ħal Luqa tard waranofsinhar. L-inċident seħħ għall-ħabta tal-4.30pm fit-Triq Ħal Farruġ, fid-direzzjoni tal-Imqabba.

Il-Pulizija qalet lil TVM li mill-ewwel tagħrif jirriżulta li r-raġel, li kien qed isuq mutur tal-għamla Malaguti Ciak, tilef il-kontroll u waqa’.

Fuq il-post marru l-Pulizija u tim mediku minn Mater Dei biex jassistu lis-sewwieq, li ttieħed l-isptar b’ambulanza, fejn iktar tard kien iċċertifikat li weġġa’ serjament.

Fil-każ infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras. It-triq kellha tingħalaq għat-traffiku għal xi ħin, bil-Pulizija tħeġġeġ sewwieqa biex jevitaw iż-żona.

Ritratt u filmat: Ray Caruana – TVM