Kronaka
ARA: 8 immigranti jinqabdu wara li daħlu b’dgħajsa f’Wied iż-Żurrieq

8 immigranti rġiel – ħames Sirjani u tliet Eġizzjani qegħdin f’idejn il-Pulizija tal-Immigrazzjoni wara li nqabdu tard illejla fil-inħawi bejn Wied iż-Żurrieq u Għar Lapsi.

L-ewwel indikazzjonijiet juru li l-immigranti waslu b’dgħajsa sa Wied iż-Żurrieq u niżlu l-art. Il-Pulizija kienet infurmata bil-preżenza tagħhom tard illejla wara t-tmienja b’Pulizija mid-Distrett, mill-RIU u mit-Taqsima tal-Immigrazzjoni marru fuq il-post u iktar tard irnexxielhom jaqbdu sitta mit-tmien immigranti biex ftit wara qabdu it-tnejn l-oħra. Huma ttieħdu għal iktar investigazzjoni bil-każ jgħaddi f’idejn il-Pulizija tal-Immigrazzjoni.

Intant, fuq il-baħar mal-kosta bejn Wied iż-Żurrieq u Għar Lapsi għaddejja tfittxija mill-Forzi Armati ta’ Malta biex tinstab id-dgħajsa li t-tmint’irgiel qalu li waslu l-art biha.