Lokali
Ara: “Skola obbligatorja sa 18 ma ttejjibx l-opportunitajiet tal-istudenti”

Id-Deputat tal-Fakultà tal-Edukazzjoni, Michelle Attard uriet xettiċiżmu dwar il-proposta li saret mill-Kamra tal-Kummerċ biex l-edukazzjoni obbligatorja titla’ minn 16-il sena għal 18-il sena.

Hija qalet dan dalgħodu f’intervista fuq il-programm TVAM fuq TVMNEWS+ li tratta din il-proposta.

Ir-rapport, imniedi mill-Kamra tal-Kummerċ, fassal din il-proposta biex fost l-oħrajn jindirizza l-fatt li Malta bħalissa għandha t-tieni l-ogħla numru ta’ studenti fl-Ewropa li jieqfu jistudjaw fil-fjur ta’ żgħożithom. Kważi 17% tal-istudenti Maltin qed joħorġu mill-iskejjel mingħajr ħiliet bażiċi.

Id-Deputat tal-Fakultà tal-Edukazzjoni, Michelle Attard qalet li huwa minnu li student isib aktar bibien miftuħa jekk ikompli jistudja, madankollu stqarret li jekk l-età obbligatorja tal-iskejjel titla’ għal 18-il sena dan mhux se jtejjeb l-opportunitajiet tal-istudent. Fissret, li l-problema fil-formazzjoni akkademika ta’ dak li jkun tkun ilha li bdiet mill-primarja. Irrimarkat, li student spiss ikollu seba’ mitt sena biex jagħlaq 16-il sena u jitlaq mill-iskola.

Min-naħa l-oħra, l-awtriċi tar-rapport, Fabianne Ruggier qalet li jekk l-istudent ma jinvestix sentejn oħra għall-futur tiegħu ma jkunx qed jibda ż-żmien ta’ adult bl-aktar mod b’saħħtu. Żiedet, li aktar minn 77% tal-intrapriżi Maltin qed jgħidu li t-talent ma jistgħux isibuh.