Kronaka
ARA: Skoperta ta’ għaddas twasslu biex jemmen kif il-Hephaestus inkalja fil-Qawra

Waqt li l-vapur ‘Hephaestus’ li nkalja fil-Qawra fi Frar li għadda issa jinsab f’tarzna privata għat-tiswija, l-investigazzjoni teknika dwar l-inċident għadha għaddejja minn Transport Malta. Il-maltempata tal-għaxra ta’ Frar setgħet kienet il-fatturi ewlieni, waqt li l-għaddas Raniero Borg li fl-aħħar jiem iffilmja qiegħ il-baħar fl-inħawi, jemmen u jispekula li seta’ kien hemm raġunijiet oħra li setgħu kienu parti mill-kawża biex il-kaptan tilef il-kontroll tal-vapur.

L-għaddas Raniero Borg jaf sew qiegħ il-baħar tal-akwati ta’ San Pawl il-Baħar għax ilu jgħodos fl-inħawi għal dawn l-aħħar 35 sena. Stqarr ma’ TVM li ma setax jifhem kif l-ankra tat-tanker ma qabdet ma mkien qabel il-vapur inkalja fuq il-blat. Sitt xhur wara l-inċident, Raniero kien qed jogħdos ftit ‘il barra mit-tanker u ra katina tal-ankri.

Raniero Borg qal “u bdejt nimxi ma’ din il-katina, u għedt din il-katina tal-vapur din. U bdejt nimxi magħha qisu xi 300 metres u sibt l-ankra.”

“Din l-ankra kif qed taraw fil-filmat, qabdet il-ħbula kollha tal-fish farm, naħseb li kienu tat-tonn dawn, li kienu ħallewhom hemm biex imexxu l-gaġġeġ aktar ‘il barra, u peress li dawn il-weights, dawn il-ħbula, il-ħabel kien xi 500 metres, u plus dan il-ħabel kellu ħafna weights allura l-ankra ma kinetx qed taħdem kif suppost. Jew waqgħet laġenba bdiet tkaxkar ma setgħetx taqbad jew inkella l-ankra ma bdietx tmiss mal-qiegħ” kompla jgħid l-għaddas Raniero Borg.

Ir-raġunament ta’ Raniero, hu li l-kaptan tilef il-kontroll tal-vapur minħabba xkiel ieħor li sab fil-baħar imqalleb.

“Naħseb li l-Kaptan xegħel il-vapur biex jikkontrolla l-vapur sab ħabel ieħor fil-wiċċ li llockjalu, kif qed taraw fil-film, l-iskrun u ma seta jagħmel xejn iżjed” żied jgħid Raniero Borg.

Dakinhar tal-inċident il-kaptan tat-tanker, Joynal Abedin, irrakonta ma’ TVM li f’ħakka t’għajn ma setax jikkontrolla l-vapur li kien qed isalpa għall-kenn.

Il-Kaptan tat-tanker Hephaestus,  Joynal Abedin qal “within 3 to 5 minutes everything is finished, we cannot control anymore vessel because we were near the shore, hitting the storm.”

Il-Kap tal-Investigazzjonijiet Marittimi fi ħdan Transport Malta, Kevin Ghirxi qal li l-investigazzjoni dwar l-inċident għadha mhix konkluża u mistennija titlesta fi Frar tas-sena d-dieħla. Qal li sal-lum inġabret l-informazzjoni li qed tiġi analizzata.

Il-Kap tal-Investigazzjonijiet Marittimi TM, Kevin Ghirxi qal “safety investigation hija investigation kemmxejn akkademika, teknika, purament relata mas-sigurtà tal-marittimu. Qed naraw kif dawk il-fatturi jinkwadraw, fl-istorja kompleta ħolisitka biex eventwalment naslu għar-raġuni għalfejn il-vapur inkalja u norħoġu b’rakkomandazzjonijiet, kif inċident bħal dan milli jerġa’ jseħħ.”

Is-Sur Ghirxi spjega li mhux l-iskop tal-investigazzjoni li tipponta xi suba lejn xi ħadd.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Il-Professur Alan Deidun qal li fl-ibħra Maltin feġġet ħuta invażiva magħrufa bħala Siganus Luridus jew Qawsalla. Fuq Facebook, Prof Deidun spjega li l-ħuta oriġinat fil-Baħar l-Aħmar u l-Oċean Indjan. Hija ġiet…

Aktar