Barranin
ARA: Suldati jkissru briks b’rashom u jgħawġu l-ħadid f’wirja tal-ġlied fil-Korea ta’ Fuq

Fil-Korea ta’ Fuq, l-istazzjon tal-istat xandar filmat li juru bosta suldati jagħtu wirja mhux tas-soltu tal-kapaċità u l-abbiltà tagħhom li jkissru bosta oġġetti b’idhom.

Din il-wirja saret waqt esibizzjoni li ttellgħet f’Pyongyang, quddiem bosta mexxejja fosthom Kim Jong-un. Il-wirja ttellgħet biex tfakkar is-77 sena mit-twaqqif tal-partit li jmexxi dan l-istat.

Suldati li ħadu sehem f’dawn l-eżerċizzji jidhru b’biċċiet tal-konkrit fuq l-istonku tagħhom u dawn jitkissru b’daqqa ta’ mazza. Oħrajn mixħutin fl-art fuq sodda tal-ħġieġ imkisser u anke suldati oħra li jqaċċtu l-ktajjen tal-ħadid li ntrabtu bihom.

Il-mexxej tal-Korea ta’ Fuq Kim Jong Un jidher fil-filmati waqt li qed isegwu din il-wirja tal-arti marzjali. Huwa kien wieħed minn tal-ewwel li capċap wara li s-suldati lestew l-eżercizzji tagħhom. Il-wirja ta’ self defence kif issejħet mill-armata saret fl-aħħar ġimgħa, b’Kim Jong Un innifsu ġie rrappurtat jgħid li l-iżvilupp tal-armi f’pajjiżu huwa neċessarju biex jirribatti lill-Istati Uniti u lill-pajjiż ġar, il-Korea t’Isfel.

M’hemmx għalfejn ngħidu, ikun tajjeb li tevita milli tipprova tagħmel xi waħda minn dawn il-bravuri d-dar.