Kultura
Ara t-tħejjijiet li għaddejjin biex Malta tkun esposta għal 25 miljun persuna

Malta se tkun esposta għal 25 miljun persuna li mistennija jżuru l-Expo ta’ Dubaj, fl-Emirati Għarab Magħquda, minn Ottubru li ġej. Din l-Expo hija l-ikbar fiera fid-dinja li għal sitt xhur sħaħ se tkun vetrina għal 190 pajjiż li se jieħdu sehem fiha, fosthom Malta.

Organizzaturi ta’ din il-fiera qalu lil TVM li d-disinn tal-padiljun ta’ Malta fl-Expo ta’ Dubaj se jippromwovi is-sostenibilità u viżjoni għall-futur. Il-padiljun ta’ Malta mistenni jibda jintrama fil-ġimgħat li ġejjin biex jippromwovi dak kollu li għandha x’toffri Malta, ma’ kull rokna tad-dinja.

Fil-passat l-EXPO, li l-ewwel edizzjoni tagħha ttellgħet f’Londra fl-1851, serviet sabiex minnha ħarġu wħud mill-aqwa invenzjonijiet u li llum-il ġurnata nużawhom ta’ spiss fil-ħajja ta’ kuljum.

L-EXPO 2020 qed ikun deskritt bħala l-aktar proġett ambizzjuż li l-belt ta’ Dubai qatt għamlet sa’ issa. Kru ta’ TVM żar il-padiljun ta’ Malta, li f’inqas minn erba’ xhur oħra se jkun armat sabiex joffri dak kollu li għandha x’toffri Malta, lil aktar minn 25 miljun ruħ, illi se jżuruha.

Id-Deputat Kummissarju Ġenerali inkargata mill-Expo, Antoinette Catania, spjegat li l-padiljun se jkun fuq żewġ sulari, fejn fis-sular ta’ isfel se tkun qed tittella’ l-esebizzjoni Maltija, waqt li s-sular ta’ fuq se jintuża għal xi laqgħat li jista’ jkun hemm fis-sitt xhur li se ddum għaddejja l-fiera.

Qalet li x-xogħol ilu għaddej, u li issa għad jonqos l-aħħar irtokki qabel il-binja allokata għal pajjiżna tintrama b’installazzjonijiet li se jagħtu dehra Maltija lill-padiljun.

“Għandna ż-żona fejn inti għanek il-lokazzjoni ta’ Malta, l-istorja ta’ Malta, u ovvjament dejjem għandek l-aspett turistiku. Imbagħad għandna l-istand tal-business, li huwa importanti wkoll, u anke parti mill-katina ta’ kif se jaħdem il-padiljun, u imbagħad nispiċċaw bl-istil tal-ħajja, kif ngħixu ħajjitna aħna l-Maltin, u tidħol anke il-kultura, u din torbot kollox flimkien.”

Is-Sinjura Catania qalet li apparti x-xogħol tekniku fuq il-padiljun, il-kontinġent Malti qed jaħdem ma’ pajjiżi oħra fuq ftehimiet li se jwasslu għall-kollaborazzjoni anke fuq negozju fix-xhur li l-fiera se tkun qed topera. Qalet li dan jagħti iktar saħħa u viżibilità lil pajjiżna.

Il-Viċi President għall-Istrateġija u t-Tkabbir fi ħdan il-kumpanija Pico International – il-kumpanija li rebħet id-dritt li taħdem fuq il-padiljun – Jesse Ng, qalet ma’ TVM li flimkien mal-padiljun ta’ Malta, qed taħdem fuq oħrajn ta’ pajjiżi ferm ikbar. Irrimarkat iżda li x-xogħol fuq dak Malti kien wieħed li għallimha ħafna, waqt li serva ta’ ispirazzjoni.

“Working with a country such as Malta, we have learned so much in terms of the archipelago, and the country’s development, and the planning of the future vision and mission of the country has been such an inspiration to us all and it’s an honour to work with Malta.”

Fl-aħħar nett is-Sinjura Ng qalet li l-kumpanija rat li t-triq ‘il quddiem għad-disinn tal-padiljun ta’ Malta għandha tkun li tippromwovi is-sostenibilità u li toffri viżjoni għall-futur. Dawn huma ż-żewġ fatturi li magħhom qed idur ix-xogħol fuq il-padiljun Malti, qabel fil-ġimgħat li ġejjin jintrama u jibda jippromwovi dak kollu li għandha x’toffri Malta, ma’ kull rokna tad-dinja.