Reliġjon
Ara: “Ta’ qsim il-qalb l-eluf imċaħħda minn mewta li tixraq lid-dinjità umana kawża tal-Covid-19” – Fr Charles Tabone

Fi knisja mneżża’ minn kull xorta ta’ armar, u nieqsa mill-eluf ta’ reliġjużi li ta’ kull sena f’dawn il-jiem joħonqu l-għadd ta’ knejjes madwar il-gżejjer Maltin bil-għan li jersqu eqreb lejn Alla, Fr Charles Tabone, mill-Knisja ta’ Ġesù Nazzarenu f’Tas-Sliema, ilbieraħ wassal l-ewwel sessjoni t’eżeriċizzi. Liema sessjoni, ixxandret fuq TVM2, kif ukoll fuq il-paġna ta’ Facebook ta’ Television Malta.

Filwaqt li rringrazzja lill-għadd ta’ infermiera u tobba li qed jaħdmu bla heda biex jieħdu ħsieb saħħet il-poplu, Fr Tabone, fost l-oħrajn, stqarr li hija ta’ qsim il-qalb li tefa’ ta’ ġebla ‘l bogħod minn xtutna l-minġel tal-mewt qed jaħsad il-ħajja ta’ eluf ta’ persuni. Liema persuni, qed jiġu mċaħħda minn mewta li tixraq lid-dinjità umana hekk kif ma jistax isirilhom funeral li jixirqilhom frott iċ-ċirkustanzi bla preċedent li ninsabu fihom.

F’dan l-isfond, Fr Tabone tkellem fuq is-solitudni. Qal, li l-bniedem mhux maħluq biex ikun waħdu, u appella biex f’dan iż-żmien, aktar minn qatt qabel, ilkoll nagħmlu sforz biex niġbdu ħabel wieħed, minkejja d-diffikultajiet li qed ngħixu fihom. Fr Tabone, b’mod speċjali, talab għal min jinsab waħdu, u biex noħorġu rebbieħa fuq il-flaġell li għadd ta’ pajjiżi għaddejjin minnu fl-iqsar żmien possibbli.

ERĠA’ SEGWI L-EŻERĊIZZI TAT-TNEJN 30 TA’ MARZU HAWN.