Lokali
Ara: “Tgħallimt li fil-ħajja hemm it-tlajja’ u l-inżul, grazzi talli afdajtuni!” – Destiny lura Malta

Il-kantanta Destiny Chukunyere waslet lura Malta b’titjira minn Brussell għall-ħabta tal-10.45 tal-lejla.

Is-Sibt, l-ambaxxatriċi Maltija ħadet sehem fil-finali tal-Eurovision Song Contest bil-kanzunetta Je Me Casse u kklassifikat fis-7 post. Hija ġiet l-ewwel fis-semifinali ta’ nhar it-Tlieta li għadda bi 325 punt.

Fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta Destiny kellha merħba pjuttost siekta meta mqabbel ma’ snin preċedenti minħabba ċ-ċirkostanzi straordinarji li għadna ninsabu fihom. Preżenti l-ajruport biex jagħtu merħba lura Malta lil Destiny, fost l-oħrajn, il-Ministru Carmelo Abela kif ukoll għadd ta’ familjari tal-kantanta Maltija.

Viżibbilment grata li kellha l-opportunità biex tirrappreżenta lil gżiritna f’festival daqstant prestiġġjuż, f’kummenti ma’ Television Malta Destiny irringrazzjat lil dawk kollha li tawha appoġġ f’dan il-vjaġġ.

Destiny qalet li l-esperjenza tal-Eurovision għallmitha mmens. Fissret, li tgħallmet li fil-ħajja hemm it-tlajja’ u l-inżul, u li dak li jkun ma jrid jaqta’ qalbu qatt.

Mistoqsija jekk din kinitx esperjenza ta’ darba, Destiny qalet li ma teskludix li eventwalment terġa’ tittantha xortiha biex tirrappreżenta lil art twelidha f’festival ta’ dan il-kalibru.

Il-65 edizzjoni tal-Eurovision Song Contest intrebħet mill-Italja bil-kanzunetta Zitti E Buoni. Il-kanzunetta tal-grupp Måneskin kisbet 524 punt.