Mużika
ARA: Tikteb kanzunetta mnebbħa mill-ħtieġa li jingħelbu d-diviżorji

F’jum il-festa ta’ San Valentinu, duo mir-Renju Unit vara kanzunetta “Cross the Line”, li akkumpanjata minn video mużikali tesplora l-imħabba kontemporanja minn diversi perspettivi. Il-kanzunetta nkitbet minn Chellcy Reitsma li tgħix Malta.

“Cross the Line” hija l-kanzunetta ġdida alternative rock tad-duo Chellcy Reitsma u Casper Mason tar-Renju Unit li ġiet varata għal Jum San Valentinu.

Chellcy, li hija ċittadina Olandiża Amerikana li tgħix f’Malta, qalet li l-kanzunetta tnebbħet mill-ħtieġa li jingħelbu d-diviżorji.

Il-video mużikali juri koppji minn faxxex differenti tas-soċjetà li taw sehemhom volontarjament f’dan il-proġett. Jispikkaw ukoll il-ħwejjeġ tad-disinjaturi Maltin li jgawdu rispett internazzjonali, Charles and Ron.

Il-kantawtriċi qalet li tittama li l-kanzunetta sensittiva u romantika tispira lill-persuni biex iħobbu dejjem, anke jekk ikun hemm nuqqas ta’ qbil għal raġunijiet soċjali, reliġjużi u familjarji.

Din hija l-ħames kanzunetta ta’ Chellcy, b’ta qabilha kisbu kummenti sbieħ minn kritiċi internazzjonali.