X

ARA: “Int f’qiegħ il-baħar waħdek, u aħna nistennew aħbarek”

“Int f’qiegħ il-baħar, u aħna nistennew aħbarek.” Hekk qalet iz-zija ta’ Neil Zammit f’poeżija indirizzata lilu, waqt il-funeral li matulu ngħatat l-aħħar tislima lil dan il-ġuvni, li tilef ħajtu traġikament fl-età ta’ 20 sena.

Dalgħodu l-knisja ta’ Kristu Re f’Raħal Ġdid kienet mimlija daqs bajda b’dawk li xtaqu jsellmu lil Neil għall-aħħar darba, wara li għereq meta kien qed jogħdos f’Baħar iċ-Ċagħaq fit-3 ta’ Settembru.

Il-katavru ta’ Neil kien instab l-għada wara sigħat sħaħ ta’ tiftix mill-Forzi Armati permezz ta’ għaddasa, patrol boats u ħelikopter. TVM infurmat li Zammit instab wiċċu ‘l fuq f’fond ta’ 20 metru, bil-harpoon ħdejh, u kien jidher qisu f’raqda trankwilla.

Il-mewt ta’ Neil ħasdet lil kull min kien jafu u b’niket kbir sħabu u l-qraba tiegħu qalu li se jibqgħu jiftakruh bħala ġuvni ċajtier b’qalb tad-deheb.

L-abjad kien l-iktar kulur li spikka fil-funeral ta’ Neil, bil-qraba tiegħu mhux biss libsu dan il-kulur iżda għażluh ukoll għat-tebut. Diversi ħbieb ta’ Neil ħassew ukoll li kellhom jagħtuh l-aħħar tislima bi ħwejjeġ ‘camouflage’, li kienu l-favoriti tiegħu peress li kien ukoll dilettant tal-kaċċa.

Hekk kif Neil ħareġ mill-knisja għall-aħħar darba, it-tebut kien milqugħ b’ċapċip mill-folla, bil-qraba ta’ Neil jaqraw poeżiji dwar dak li għaddew minnu tul it-traġedja li ħasdet il-ħajja ta’ dan iż-żagħżugħ, filwaqt li talbuh iżomm idejh fuq il-familja u qalulu li se jibqgħu jħobbuh.

Intant ilbieraħ qraba u ħbieb ta’ Neil żaru l-post fejn tilef ħajtu u poġġew il-fjuri fil-baħar.

Ara wkoll:

Neil Zammit jinstab bla ħajja f’Baħar iċ-Ċagħaq

rg :