Lokali
ARA: TM tinvestiga żieda fil-prezz ta’ karozzi elettriċi l-għada li s-sussidju żdied bi €3,000

Transport Malta kitbet lill-importaturi kollha tal-karozzi elettriċi biex tassigura li ż-żieda fis-sussidju li tħabbar mill-gvern fil-Budget 2022 għal xiri ta’ karozzi elettriċi jibbenefika minnu l-konsumatur.

Dan qalu Gilbert Agius, l-uffiċjal ta’ Transport Malta f’intervista li saritlu waqt l-aħbarijiet tal-11.00 a.m. fuq TVMNews+.

Huwa ġie mistoqsi dwar ilmenti li waslu fiċ-ċentru tal-aħbarijiet ta’ TVM fejn ingħad li l-għada tad-diskors tal-budget, wieħed mill-importaturi, żied il-prezz tal-karozzi elettriċi u hybrid b’€2,000.

Is-Sur Agius ikkonferma li fl-aħħar sigħat Transport Malta kellha diskussjonijiet ma’ importatur li fl-aħħar jiem għolla l-prezz ta’ karozza partikolari b’elfejn ewro. Qal li l-ġustifikazzjoni li ngħatat l-awtorità għaż-żieda fil-prezz kienet in-nuqqas ta’ ċipep madwar id-dinja.

“Iva, kien hemm mudell li anke wrewna d-dokumentazzjoni u Transport Malta se tibqa’ tinvestiga….fuq xi ċertu extras tal-vettura, fejn qabel il-prezz kien ta’ €30,000, issa qed jitlob €32,000 tal-prezz. Imma fuq l-extras tal-vetturi, jiġfieri mhux fuq il-vettura fiha nnifisha”, qal Agius.

Huwa qal li l-awtorità se tibqa’ tinvestiga dawn l-ilmenti u kien għalhekk li kitbu lill-importaturi kollha biex ikunu ċerti li dan ma jseħħx.

Huwa żied jgħid li kemm il-konsumaturi u kemm Transport Malta għandhom il-prezzijiet ta’ kull vettura fis-suq qabel it-12 ta’ Ottubru u wiegħed li l-awtorità se tkompli ssegwi l-ilmenti li jidħlulha minn jum għall-ieħor.

Is-Sur Agius spjega li fid-diskussjonjiet li jkollhom mal-importaturi tal-vetturi qed jaraw li jistabbilixxu prezz ta’ konverġenza.

Qal li bis-sussidju ta’ €12,000 li qed jingħata, il-gvern qed joħroġ kważi nofs il-prezz medju ta’ karozza elettrika li jlaħħaq it-€30,000.

“Illum nafu li l-karozzi elettriċi għadhom ftit għoljin meta mqabbel ma’ kaorzzi petrol jew diesel li l-valur medju tagħhom hu ta’ €15,000 u għalhekk l-awtorità qed tagħti dawn l-għotjiet biex tħajjar aktar nies jixtru vettura elettrika”, qal Agius.

Qal li d-direzzjoni tal-gvern hi li sal-2030, f’pajjiżna jkollna ammont qawwi ta’ vetturi li jaħdmu bl-elettriku jew hybrid biex inħarsu l-ambjent.

Fil-preżent hawn aktar minn 2,700 karozza elettrika u 3,300 oħra li jaħdmu kemm bil-petrol/diesel u kemm bl-elettriku. Dan flimkien ma’ elf mutur li jaħdmu bl-elettriku.