Lokali
ARA: TVM u TVM2 b’filmati qosra biex titgħallem il-lingwa tas-sinjali

Fil-Jum Dinji tal-Lingwa tas-Sinjali, il-Public Broadcasting Services ħabbar li matul il-ġurnata fuq TVM u TVM2 se jibdew jixxandru filmati qosra bil-għan li aktar nies jitgħallmu din il-lingwa, li hija wkoll waħda mil-lingwi uffiċjali ta’ Malta. Din hija waħda min-numru ta’ inizjattivi oħra li qed jittieħdu mix-xandir nazzjonali biex iqajjem iktar kuxjenza f’dan ir-rigward.

Il-Public Broadcasting Services qed jingħaqad mal-kampanja biex aktar nies jitħajru jitgħallmu l-lingwa tas-sinjali Maltija, li hija t-tielet lingwa uffiċjali f’Malta. Dan se jsir permezz ta’ filmati qosra li qed jixxandru matul il-ġurnata fuq TVM u TVM2 bi kliem u frażijiet bażiċi – li jiffaċċilitaw il-komunikazzjoni ma’ persuni neqsin mis-smigħ.

Il-Kap Eżekuttiv tal-PBS, Charles Dalli qal li fl-iskeda tal-ħarifa, TVM se jkompli bl-aħbarijiet għall-persuni neqsin mis-smigħ fis-6 p.m. u minn din l-iskeda l-programm mtella’ mill-Kamra tal-Aħbarijiet – Insights ukoll se jkollu dan is-servizz.

Iċ-chairperson tal-PBS, il-Professur Carmen Sammut qalet li l-obbligi tas-servizz pubbliku jaħsbu li jħarsu d-d-drittijiet tal-gruppi kollha tas-soċjetà.

“Hija l-mira tagħna biex nippromwovu l-lingwa bis-sinjali bħala dritt,” qalet il-Professur Sammut.

Il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, Oliver Scicluna, li huwa direttur fuq il-bord tal-PBS, imbotta ‘l quddiem l-aġenda tal-aċċessibilità u aktar għarfien dwar din il-lingwa.

“Il-lingwa tas-sinjali ma tgħinx biss persuni b’nuqqas ta’ smigħ jikkommunikaw iżda tgħin persuni oħrajn bħal dawk li qegħdin fuq l-ispettru tal-awtiżmu jew inkella għandhom nuqqas intelletwali,” spjega s-Sur Scicluna.

Il-Ministru responsabbli mix-xandir Nazzjonali, Carmelo Abela qal li din il-kampanja hija l-bidu ta’ proċess ferm itwal.

“It-tieni pass huwa li nħajru aktar nies biex jaqbdu l-karriera fil-qasam tal-interpretazzjoni tal-lingwa tas-sinjali,” qal il-Ministru Abela.

Skont il-federazzjoni dinjija tal-persuni neqsin mis-smigħ, madwar id-dinja hawn mat-72 miljun persuna neqsin mis-smigħ, li jikkumunikaw bejniethom permezz ta’ aktar minn 300 lingwa differenti tas-sinjali – inkluż dik Maltija.