Barranin
ARA: Twaddab it-tarbija tagħha biex issalvaha min-nirien fl-Afrika t’Isfel

Filmat li qed jixxandar juri omm twaddab it-tarbija tagħha minn binja li kienet qed taqbad waqt irvellijiet fid-distrett ta’ Durban fl-Afrika t’Isfel.

Aktar minn 70 persuna nqatlu fi vjolenza wara li l-eks President Jacob Zuma ntbagħat il-ħabs. Zuma nstab ħati ta’ disprezz lejn il-Qorti x-xahar li għadda wara li naqas milli jattendi għal inkjesta dwar korruzzjoni matul il-presidenza tiegħu. Huwa ta’ ruħu b’idejh lill-pulizija nhar l-Erbgħa li għadda u qed jiskonta sentenza ta’ 15-il xahar ħabs. Dan wassal għal protesti vjolenti u ħruq ta’ postijiet.

Ilbieraħ folol ta’ nies taw in-nar lil diversi stabbilimenti tax-xiri u appartamenti. F’wieħed minnhom kien hemm omm b’tarbija, li f’filmat tidher tgaraha bit-tama li tiġi salvata. Fil-filmat jidhru għadd ta’ nies fit-triq jipprovaw jilqgħu lit-tarbija. Fortunatament, aktar tard l-omm salvat ukoll u ngħaqdet lura mat-tarbija tagħha qawwija u sħiħa.

Sa issa ġew arrestati aktar minn 1,200 ruħ b’rabta ma’ dawn ir-rewwixti. Sa issa l-pulizija fl-Afrika t’Isfel identifikat mat-12-il persuna suspettati li pprovokaw dawn ir-rewwixti.