Lokali
ARA: Uffiċjal tal-FKNK jinqabad bil-filmat jikser il-liġi u joqtol Gamiema

Uffiċjal ogħli tal-FKNK jinqabad fuq filmat jispara fuq Gamiema protetta waqt li kien għall-kaċċa fil-Miżieb.

BirdLife Malta għandha fil-pussess tagħha filmat esklussiv li juri wieħed mill-uffiċjali tal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) jikser il-liġi tul l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa ta’ din is-sena, ftit jiem qabel ma dan għalaq nhar is-Sibt.

Tul l-istaġun, b’mod partikolari fl-aħħar ftit jiem meta l-passa tal-Gamiem bdiet tilħaq il-qofol tagħha, BirdLife Malta rrappurtat li kien għaddej qtil tal-Gamiem minkejja li l-kaċċa għal dan l-għasfur protett ma kinitx permessa f’din ir-rebbiegħa, u l-istaġun suppost li kien miftuħ biss għas-Summien.

Il-filmat juru lill-uffiċjal tal-FKNK Lawrence Vella bilqiegħda fid-dura tiegħu fil-Miżieb. Il-filmati nġibdu fis-16 ta’ April u f’mument minnhom Vella jidher qed iqum bilwieqfa, jgħolli s-senter u jispara fuq Gamiema protetta tliet darbiet wara xulxin, bl-għasfur jidher ċar qed jaqa’ mis-sema. Lawrence Vella huwa uffiċjal tal-FKNK fuq is-sottokumitat tal-organizzazzjoni għall-Miżieb, post li l-federazzjoni tqisu bħala ‘riserva għall-kaċċa’.

BirdLife Malta fakkret kif ftit jiem qabel ma għalaq l-istaġun, l-FKNK iddikjarat pubblikament li ma kinitx se tittollera l-abbużi u wissiet li membri tagħha li jinqabdu jiksru l-liġi u jinstabu ħatja se jiġu sospiżi u l-liċenzja tal-kaċċa tagħhom tiġi rtirata.

Il-Birdlife qalet li konvinta li, bl-evidenza ċara li qed tippubblika, l-FKNK se żżomm kelmtha u tissospendi immedjatament lill-uffiċjal tagħha – li nqabad fuq filmati jikser il-liġi – mir-rwol tiegħu u anke minn membru, tikkundanna l-azzjonijiet tiegħu, tiddiżassoċja ruħha mill-aġir tiegħu, u fuq kollox tikkollabora mal-awtoritajiet tal-infurzar biex jitressaq quddiem il-ġustizzja.

BirdLife Malta qalet li minn meta għalaq l-istaġun nhar is-Sibt, flimkien mal-pulizija kompliet tirċievi aktar għasafar protetti mejtin u milqutin li kollha ġew ikkonfermati mill-veterinarju li spiċċaw fil-mira tal-kaċċa illegali minkejja li l-istaġun issa huwa magħluq. Wara t-18-il għasfur li nġabru tul l-istaġun bejn l-1 u l-21 ta’ April, BirdLife qalet li fl-aħħar jiem daħlu erba’ għasafar oħra protetti feruti jew mejta fosthom żewġ Gamimiet oħra, bit-total issa jammonta għal 22. Din hija żieda ta’ sebgħa għasafar protetti meta mqabbel man-numri tal-2017.