Ara – Wieħed mill-isbaħ ġonna misturi f’qalb il-bini f’tal-Pieta’

L-istorja u s-sbuħija naturali ta’ pajjiżna huma bla limiti, biss jeżistu postijiet mistura li qajla nafu dwarhom. Ftit huma dawk li jistgħu jgħidu li daru kull rokna ta’ pajjiżna. ‘Popolin’ stħarreġ dan u diversi bnadi mistura f’pajjiżna li ftit li xejn aħna konxji dwarhom.

Wieħed minn dawn il-postijiet misterjużi huwa ġnien li jinsab f’Villa Frere f’Tal-Pietà. Il-Pietà sar lokal sinonimu mal-bini u l-avvanz, għaliex jinsab fiċ-ċentru ta’ pajjiżna għalhekk huwa aċċessibbli għal bosta. Ftit huma dawk li jafu li l-istess lokal igawdi patrimonju storiku. Tkellimna mal-awturi ta’ ‘Bizarre Malta’, Fiona Vella u Oliver Gatt li tawna iktar dettalji fuq dan il-ġnien maestuż li jgħaqqad in-naħat ta’ fejn il-baħar sal-isptar San Luqa. “Ħafna minn dan il-ġnien ittiekel mill-isptar,mill-iskola u mill-parkeġġ jiġifieri tistgħu timmaġinaw kemm kien ikbar”. Vella spjegat li l-istorja ta’ din il-Villa tibda fl-1821; “il-post kien qisu ġenna tal-art”.  

Din il-Villa ħeġġet l-introduzzjoni ta’ għaqda non-governattiva bl-isem ta’ ‘Friends of Villa Frere’ li għamlu ħafna xogħol wara li l-post kien abbandunat għal ħafna snin. Din il-Villa tinfetaħ darba fix-xahar biex titgawda mill-pubbliku.