Forzi Armati
Ara x-xogħol fuq patrol boat ġdida – il-P71 mal-flotta tal-AFM dalwaqt

F’dawn il-ġranet il-Forzi Armati ta’ Malta qegħdin ifakkru l-anniversarju tal-ġublew tad-deheb mindu bdew iservu taħt il-Gvern ta’ Malta. Dawn il-50 sena qed jitfakkru fi żmien meta l-armata qed tinvesti €50 miljun biex ikollha patrol boat ġdida fjamanta. Din se tkun l-akbar lanċa li qatt kellha l-armata Maltija u tirrappreżenta l-akbar investiment li qatt sar fl-istorja tal-Forzi Armati.

Il-kapaċitajiet tal-Forzi Armati fuq il-baħar, f’distanzi ferm ‘il bogħod minn Malta, mistennija jissaħħu mhux ftit mis-sena d-dieħla meta l-armata tibda taqta’ l-frott ta’ investiment li daħlet għalih għax-xiri ta’ patrol boat kbira bl-għajnuna ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea.

Ix-xogħol fil-faċilitajiet tal-kumpanija li rebħet il-kuntratt: Cantiere Navale Vittoria, fin-naħa ta’ fuq tal-Italja, jinsab avvanzat. Il-qafas lest, il-magni u l-generators f’posthom u għaddej xogħol fuq is-servizzi abbord bħall-elettriku, il-ventilazzjoni u s-sistema tal-arja kundizzjonata. Intervistat dwar il-proġett, il-Kap Kmandant tal-Forzi Armati, il-Brigadier Jeffrey Curmi, qal li fit-tarzna fl-Italja hemm preżenza ta’ suldati Maltin biex jaċċertaw li x-xogħol qed isir skont kif mitlub fis-sejħa għall-offerti, iżda mhux biss!

“Qed nagħtu wkoll inċentiv lis-suldat li jkun hemmhekk biex jagħżel ukoll hu ċerti modifications li qegħdin aktar komdi. M’hemm ħadd aktar mill-kok biex jurihom fejn jixtieq ipoġġi l-catering equipment fil-kċina, mhemm hadd aħjar mill-masters tal-lanċa biex juruhom fejn jixtiequ l-apparat, mhemm ħadd ahjar mill-inginiera stess li jagħtu l-parir tagħhom fejn jaqbel li jitwaħħal certa apparat għax at the end of the day huma se jużawha, huma jridu jkunu komdi u hija xi ħaġa wkoll li xtaqna li ndaħħlu lis-suldat u l-uffiċċjali parteċipi fil-construction tal-lanċa.”

Fil-flotta tal-Forzi Armati se tkun magħrufa bħala l-P71. B’tul ta’ kważi 75 metru u 13-il metru wiesgħa, il-lanċa se tkun kapaċi ttella’ veloċità ta’ aktar minn 20 knot. Il-Brigadier Curmi qal li l-lanċa se tkun tista’ tintuża għal diversi operazzjonijiet. Mgħammra bl-aqwa teknoloġija ta’ komunikazzjoni u tagħmir għal skop militari, il-lanċa tista’ ġġorr wieħed mill-helikopters li għandha l-armata li se jkun jista’ jieħu l-fjuwil abbord stess. Se jkollha wkoll żewġ dinghies li jitniżżlu fil-baħar u jittellgħu direttament minn ġewwa tal-patrol boat.

“Apparti l-crew tagħha se jkollha fejn takkomoda nies oħrajn. Per eżempju jekk ghandi jkolli bżonn niddiplojja nies mill-Ispecial Operations Unit fuqha, tkun tista’ wkoll iżżommhom komdi. Ikollhom l-akkomodazzjoni tagħhom.”

Lanċa weħidha mhi xejn mingħajr l-ekwipaġġ. Il-proġett jaħseb għal programm ta’ taħriġ biex sal-mument li tasal Malta jkun iffurmat ekwipaġġ kompetenti li jużaha u jagħmel il-manutenzjoni meħtieġa.