Knisja Maltija
Ara x-xogħol li qed isir fuq il-pittura fis-saqaf tal-Bażilika ta’ Sant’ Elena

Il-koppla tal-Bażilika ta’ Santa Elena f’Birkirkara qed tingħata dawra tajba minn barra u minn ġewwa.

Il-pittura fis-saqaf, li għandha aktar minn mitt sena, xogħol l-artist Taljan Virginio Monti, qed tiġi restawrata wkoll. Maż-żmien, partijiet mill-pittura kienu bdew jintilfu minħabba l-elementi, partikularment l-umdità u l-ilma.

Il-Propostu Arċipriet, Monsinjur Paul Carmel Vella, qal li l-pittura, li saret fil-bidu tas-seklu għoxrin, tirrappreżenta l-ġudizzju universali. Hu qal li l-pittura tas-saqaf kienet ta’ tħassib għall-kapitlu minħabba li kemm-il darba waqgħu partijiet minnha.

Żied jgħid li dan hu r-raba’ restawr li qed isir fuq il-koppla tal-bażilika – bl-ewwel xogħol sar fl-1932 – ftit snin wara li Monti kien lesta l-pittura. “Fil-fatt hu kien xjaħ fit-tletinijiet u kien qabbad lil Villani, li kien għenu anke meta kien pitter fin-1906 u qabbdu biex jagħmel l-ewwel attentat ta’ restawr.”

Monsinjur Vella qal li dan l-aħħar il-ħtieġa għar-restawr kienet qed tinħass aktar minn qatt qabel.

Ir-restawratriċi Valentina Lupo spjegat li l-pittura kienet fi stat avvanzat ta’ deterjorazzjoni minħabba li kien daħal l-ilma li ikkawża l-umdità. Qalet li aktar minn 30% tal-pittura kienet bdiet tinqala’ minn mal-ħajt.

“Permezz ta’ din l-infiltrazzjoni, il-melħ ippenetra fil-pittura fejn imbagħad minħabba proċessi oħrajn il-melħ beda jimbotta l-pittura ‘l barra.”

Ir-restawratriċi qalet li sar proċess ta’ tisħiħ biex il-pittura terġa’ titwaħħal mal-ħajt. Semmiet li ħafna mill-irtokki li saru fir-restawr li kien sar fis-snin tmenin idetterjoraw u anke nbidlu l-kuluri.

“Sibna żebgħa taż-żejt li sibniha ‘oxidised’ ħafna u kien hemm proċess twil ta’ tindif biex aħna nerġgħu noħorġu lura l-kulur oriġinali ta’ Viriġinio Monti.”

Irrimarkat li kolla sintetika li kienet intużat fir-restawr ikkawżat xi ħsarat fis-saff tal-ġebla. Dan il-proġett, li parti kbira minnu qed isir b’fondi tal-Unjoni Ewropea, ħaseb ukoll fil-manutenzjoni tal-koppla minn barra u sistema ta’ ventilazzjoni għal ċirkolazzjoni aħjar tal-arja.