Barranin
ARA: Xadina tilgħab logħba tal-kompjuter b’moħħha biss

Kumpanija ta’ Elon Musk qed tittanta tibni teknoloġija li permezz tagħha persuni pparalizzati jkunu jistgħu jħaddmu kompjuters u mobiles bl-attività ta’ moħħhom biss.

Neuralink xandret filmat li fih tidher xadina qed tilgħab Pong fuq kompjuter. Ix-xandina, li jismu Pager, ġie mħarreġ li jirċievi l-ikel minn pajp imqabbad mal-kompjuter kull meta jilgħab.

Pager kellu ċipep installati f’moħħu, u jidher juża l-joystick biex jilgħab. Permezz taċ-ċipep Neuralink ix-xjentisti rnexxielhom jibnu algorithim tal-attività ċerebrali li tkun għaddejja skont kif Pager ikun qed juża l-joystick.

Għalhekk, meta l-joystick tiġi maqlugħa minn mal-kompjuter, il-logħba tissokta xorta waħda. Pager ma jafx li l-joystick mhux taħdem, u li qiegħed juża biss l-attività ta’ moħħu biex jilgħab, ibbażat fuq ix-xejriet li ġew irreġistrati iktar kmieni meta kien verament qed juża l-joystick.

Jekk din it-teknoloġija tkompli tiġi żviluppata, huwa mistenni li min jużaha jkun kapaċi jgħaġġel ħafna iżjed milli kieku juża jdejh.