Ambjent
Ara x’bixra ħa Wied il-Qlejgħa hekk kif tlesta l-proġett ta’ riġenerazzjoni

Tlesta l-proġett ta’ riġenerazzjoni u restawr ta’ Wied il-Qlejgħa, magħruf aħjar bħala Chadwick Lakes.

Il-proġett sar mill-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma, b’investiment ta’ €5 miljun minn fondi Ewropej, u se jkompli jiġi mħares min-NatureTrust Malta.

Matul l-aħħar sentejn, l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma, permezz ta’ €5 miljun minn fondi Ewropej, ħadet ħsieb li jiġi riġenerat u rijabilitat Wied il-Qlejgħa, jew kif inhu magħruf aħjar, Chadwick Lakes.

Fost ix-xogħlijiet li saru, li bdew fis-sajf tal-2019, il-proġett ra t-tneħħija ta’ iktar minn 55,000 metru kubu ta’ terrapien, li matul l-aħħar 60 sena inġema’ f’dan il-wied, b’konsegwenza li kien qed jimblokka l-korsija tal-ilma.

Apparti hekk, żdied ukoll madwar 35 miljun litru ta’ ilma, li se jkun jista’ jintuża mill-bdiewa tal-madwar. Il-ħitan tas-sejjieħ ġew ukoll restawrati u magħhom inħolqot sistema ta’ passaġġi fuq distanza ta’ żewġ kilometri, minn Triq il-Fiddien sa taħt l-eks sptar navali fl-Imtarfa.

Neil Azzopardi Ferriggi, Uffiċjal Amministrattiv fi ħdan l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma, spjega li apparti l-konservazzjoni tal-ilma u r-restawr ekoloġiku ta’ dan il-wied, l-investiment kien kruċjali wkoll għall-aspett turistiku u soċjali tal-pajjiż.

“L-għan hu li niddiversifikaw il-prodott turistiku Malti, iżda fuq kollox kellu l-għan ukoll li jerġa’ jagħti post ta’ rikreazzjoni lill-familji Maltin u Għawdxin biex ikunu jistgħu jiġu jqattgħu ħin ta’ rilassament fl-ambjent naturali, f’lok uniku għall-gżejjer Maltin. Dan minħabba l-ammont kbir ta’ ilma ħelu li jinġabar f’dan il-post.”

Mat-tlestija ta’ dan il-proġett, l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma daħlet fi ftehim ma’ Nature Trust Malta biex tibqa’ tieħu ħsieb dan il-wied mil-lat ta’ ekosistema u restawr ekoloġiku, u biex dan il-proġett, flimkien mal-ispeċi li jgħixu fih, jibqgħu jimirħu u jitkattru għall-futur.

Ben Camilleri, Uffiċjal fi ħdan Nature Trust Malta, qal li l-pass li jmiss huwa li jitneħħew il-pjanti invażivi u jitwaħħlu dawk indiġeni.

“Bħalissa qegħdin niffukaw fuq 12-il speċi, 5 li kienu fil-mira mill-bidu, kif ukoll xi oħrajn, pjanti annwali li jidħlu maż-żmien. Mela allura aħna rridu nkomplu għal 3 snin, 4 oħra żgur, il-ħin kollu ngħaddu mill-istess żoni u nibqgħu naqilgħu dak kollu li jinbet. Fl-istess ħin, waqt li qed nagħmlu l-‘faze out’ ta’ dawn il-pjanti, ħa nkunu qegħdin bil-mod indaħħlu l-abitati tagħna. Hawn 8 tipi ta’ komunitajiet ta’ pjanti, kollha tal-ilma ħelu jew jikbru mal-ġenb tal-wied, jekk mhux direttament mal-korsa.”

B’hekk, il-mogħdija ta’ dan il-wied se tingħata dehra ta’ bosk ta’ siġar ta’ ilma ħelu. Tul il-passaġġi se jitwaħħlu kameras tas-sigurtà biex jiġi evitat kemm jista’ jkun ir-rimi tal-iskart u l-vandaliżmu.