Televiżjoni u Radju
ARA: X’dehrilhom dawk li laqgħu l-istedina u żaru l-PBS?

Mijiet ta’ nies laqgħu bi ħġarhom l-istedina tal-PBS biex iżuru l-Creativity Hub, f’open day li laqqgħet lill-pubbliku max-xandara u ma’ ħafna impjegati oħra li jagħtu sehemhom minn wara l-kwinti biex ta’ kuljum ix-xandir pubbliku jwassal programmi u aħbarijiet permezz tal-istazzjonijiet tar-radju, tat-televiżjoni u tas-sit elettroniku.

Għall-pubbliku kienet opportunità wkoll biex jifhem l-aħħar teknoloġija fix-xandir, iżda mhux biss, għax din il-binja fi Gwardamangia hi wkoll mixja mal-istorja tax-xandir f’Malta.

Mat-tokki tal-għaxra ta’ filgħodu diġà kien hemm ġemgħa mdaqqsa ta’ nies quddiem il-bini tal-Creativity Hub, jistennew bi ħġarhom li jżuru l-bini tax-xandir pubbliku. L-open day tat l-opportunità lil pubbliku biex jara mill-qrib ix-xogħol li jsir f’diversi taqsimiet fosthom tar-radju u t-televiżjoni.

In-nies stqarrew li kienu ħerqana jżuru l-PBS biex jaraw kif jaħdmu t-taqsimiet varji, fosthom il-kamra tal-aħbarijiet, l-isports, l-amministrazzjoni, is-sit elettroniku, l-arkivji u l-istudjos tar-radju u tat-televiżjoni.

Kienu bosta li ġew biex jieħdu ritratti u filmati mal-ġurnalisti tal-kamra tal-aħbarijiet jew mal-preżentaturi ta’ Radju Malta, Radju Malta Tnejn u Magic Malta, kif ukoll ma’ diversi atturi tad-drama popolari mxandra fuq Television Malta.

Fost l-iktar taqsimiet li attiraw interess kien hemm l-istudio minn fejn jixxandru l-aħbarijiet u l-laqgħa mal-kast tad-drama popolari bħal L-Għarusa.

Ġest nobbli kien dak li wettqet Rita Brincat, li użat l-okkażjoni biex tħeġġeġ lin-nies imorru wkoll il-bank tad-demm li jinsab biss tefgħa ta’ ġebla bogħod. Qalet li meta kienet fil-bżonn hi, il-ġenerożità tad-donaturi salwalha ħajjitha.

“Għaddejt minn ħafna operazzjonijiet biss biss , għaddejt minn 9 operazzjonijiet,dawn ma tidħolx għalihom jekk ma jkollokx riżerva tad-demm, kieku jien ma stajtx nagħmilhom, il-problema dejjem tiġri warajhom, li jkun hemm nuqqas tad-demm,” qalet is-Sinjura Brincat.

Il-Ministru tal-Kultura, Owen Bonnici, li hu responsabbli mix-xandir pubbliku, segwa l-attività u radd ħajr lill-impjegati tal-PBS għas-servizzi li jwettqu.

Intant, segwi fil-filmat x’kellhom xi jgħidu dawk li żaru l-Creativity Hub illum:

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

Malti ta’ 19-il sena li kien jinsab miżmum arrestat ġewwa l-Lock-up fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, ipprova jweġġa’ lilu nnifsu. Il-każ seħħ illum fis-7pm.  Intervent immedjat tal-Pulizija waqqaf din l-azzjoni u r-raġel…

Lokali

San Ġiljan sebaħ nadif pupilla wara lejl ta’ divertiment f’Jum San Patrizju. Il-ħaddiema tat-tindif xkupaw 15-il tunnellata ta’ skart f’ħames sigħat. Ma’ sbieħ it-Tnejn filgħodu, il-Pjazza ta’ Spinola u toroq tal-madwar…

Kronaka

Lejn is-snin sittin tas-seklu sbatax, il-Berġa tal-Italja kienet imżejna b’dak li jissejjaħ la scala grande, it-taraġ il-kbir. Bl-interventi strutturali li sar fil-berġa tul is-snin il-preġju tat-taraġ intilef meta fost oħrajn…

Aktar