Sport
ARA: X’għamlu l-plejers nisa qabel il-logħba Raiders Għargħur kontra Mosta

Ftit qabel il-logħba Raiders Għargħur vs Mosta, fil-grawnd tal-Imġarr sar ġest simboliku b’messaġġ qawwi. Dan fl-isfond li fi tmiem din il-ġimgħa Maya Lucia allegatament spiċċat fil-mira ta’ kummenti razzisti waqt logħba mill-kampjonat ta’ taħt id-19-il sena bejn it-tim li tilgħab miegħu Raiders Għargħur u Mosta fil-grawnd ta’ Marsascala. Allegatament kien hemm xi persuni barra l-grawnd li bdew jgħajruha b’missierha u l-kulur tal-ġilda tagħha.

Il-ġest simboliku kien jinvolvi fil-plejers niżlu għarkupptejhom qabel il-logħba u libsu flokk bil-kitba rispett. Il-messaġġ li riedu jgħaddu huwa le għar-razzismu u li dan mhux parti mil-logħba tal-futbol.

Qabel il-logħba, il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Futbol Bjorn Vassallo tkellem ma’ Maya. Ma’ TVM, Bjorn Vassallo qal li rridu ngħaddu messaġġ li t-tim nazzjonali jirrappreżenta l-bandiera Maltija u huwa magħmul minn plejers differenti, ta’ kulur differenti, ta’ reliġjon u twemmin differenti. Saħaq li fl-isport ma għandhiex teżisti d-diskriminazzjoni.

Intant, ma’ TVM, psikologa tal-isport qalet li bullying psikoloġiku u kummenti razzjali qed ibegħdu ħafna atleti żgħażagħ mill-isport.

Ara wkoll:

“Bullying psikoloġiku u kummenti razzjali qed ibegħdu atleti żgħażagħ mill-isport”