Lokali
Ara: X’jaħsbu ż-żgħażagħ dwar il-miżuri tal-budget?

Iż-żieda fl-istipendju, it-tnaqqis fit-taxxa u l-miżuri ambjentali kienu fost l-iktar miżuri li laqtu liż-żgħażagħ fil-budget għas-sena d-dieħla. Min-naħa l-oħra, it-trasport pubbliku b’xejn għal kulħadd u s-saħħa sesswali kienu fost dawk li xtaqu li jiġu indirizzati u ttrattati aħjar.

Tliet għaqdiet ewlenin taż-żgħażagħ, il-Kunsill Nazzjonali Żgħażagħ, il-Kunsill Studenti Universitarji u l-Kunsill Studenti Junior College kellhom reazzjoni pożittiva għaż-żieda ta’ 10% fl-istipendju, il-fatt li studenti mhux se jintmessilhom l-istipedju jekk jaħdmu sa 25 sena fil-ġimgħa, u xi miżuri ambjentali.

“Iż-żieda fl-istipendji għaż-żgħażagħ, kif ukoll it-twessigħ fl-eliġibbiltà biex l-istess żgħażagħ studenti jkunu jistgħu japplikaw għal dan il-benefiċċju soċjali, kif hekk issa jistgħu jaħdmu sa 25 siegħa fil-ġimgħa minn 20 siegħa, kif qiegħda bħalissa. Fuq is-settur ambjentali wkoll, insemmu proposti fejn jidħlu s-sussidji fl-enerġija rinovabbli, kif ukoll ir-rijabiltazzjoni tal-bini vakant.”

“Ħadna pjaċir illi l-istipendju se jiżdied. Din tirrifletti wkoll l-għoli tal-ħajja, so sapport finanzjarju għall-istudent dejjem ħa jiġi ta’ benefiċċju għall-istudent. Il-fatt li hemm ħafna green policies fil-budget, ovjament dak huwa step pożittiv ħafna. Qed naraw li għall-inqas hemm ċerta prijorità li hi sejra lejn l-ambjent u lejn l-iżvilupp sostenibbli.”

“Għoġbitni ħafna tat-taxxa illi minn 15% ġiet 10%, ovjament ma jinqatax daqshekk mill-paga li jkollu l-istudent.”

Filwaqt li l-miżura tat-trasport pubbliku b’xejn kienet fost il-miżuri li qanqlet reazzjoni fost in-nies, għall-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ din il-miżura waħedha mhux ser tħeġġeġ lin-nies jużaw iktar it-trasport pubbliku għax jeħtieġ tiġi indirizzata l-problema tal-effiċjenza. Qalu wkoll li xtaqu li fil-budget jiġu indirizzati oqsma oħrajn, fosthom is-saħħa sesswali.