Knisja Maltija
ARA: Xogħol ta’ restawr u linef ġodda fil-knisja ta’ Ħal Lija fl-okkażjoni ta’ 2 anniversarji importanti

Ftit ijiem bogħod mill-Festa tas-Salvatur f’Ħal Lija, li tiġi ċċelebrata f’nharha, fis-sitta ta’ Awwissu, il-knisja parrokkjali qed tfakkar żewġ anniversarji importanti. Fl-okkażjoni ta’ dawn l-anniversarji, il-Knisja lestiet xogħol estensiv ta’ restawr u inawgurat linef ġodda.

Il-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Lija qed tfakkar l-425 sena mit-twaqqif tal-parroċċa u t-325 sena mit-tqegħid tal-ewwel ġebla. F’dawn il-jiem ir-raħal ta’ Ħal Lija u L-Knisja jinsabu mżejna għall-festa tas-Salvatur li tiġi ċċelebrata f’nharha, is-sitta ta’ Awwissu.

Il-Kappillan Dun Joe Cilia, qal li fl-aħħar snin il-Knisja tas-Salvatur f’Ħal Lija għaddiet minn restawr estensiv.

“Tul dawn l-4 snin irrestawrajna l-induratura kollha tal-Knisja. Kien hemm partijiet minnha fejn stajna nirrestawraw u partijiet minnha fejn kellna ninduraw mill-ġdid… Barra minn hekk tajna spinta kbira lill-pitturi kollha tal-Knisja. Proġett kbir u ambizzjuż, ir-restawr tal-kwadri kollha li qegħdin taraw fuq l-artali kollha. Filfatt din is-sena qed jiġi inawgurat il-pittura tal-Madonna tar-Rużarju, xogħol ta’ Erardi.”

Dun Joe Cilia spjega li fl-okkażjoni taż-żewġ anniversarji importanti li qed tfakkar il-Knisja ta’ Ħal Lija, ġew inawgurati żewġ linef tal-kristall. Dawn il-linef jiżnu nofs tunnellata l-waħda u fihom ħamest elef biċċa.

“Aħna hawnhekk qed nagħmlu festa ta’ Kristu, hija festa ta’ kulħadd u allura aħna hawnhekk f’dak l-aspett spiritwali qed niċċelebraw il-festa ta’ Ġesu’ Kristu u allura għalina lkoll hija xi ħaġa importanti ħafna li fil-festa ta’ kull sena nfakkru t-trasfigurazzjoni tal-Mulej fejn dak kollu li hu estetiku huwa espressjoni ta’ fidi li jdaħħalna f’dak li hu spiritwali f’tal-festa.”

Il-Festa tas-Salvatur f’Ħal Lija hi magħrufa wkoll għan-nar li jilħaq il-qofol tiegħu lejlet il-festa nhar it-Tnejn meta fid-disgħa u nofs ta’ filgħaxija, tibda l-wirja tal-logħob tan-nar tal-ajru mill-Għaqda tan-Nar San Mikiel. Din tagħlaq bi spettaklu tan-nar mal-mużika. Wara l-logħob tan-nar tal-ajru, qrib nofsillejl jibda n-nar tal-art.”