Lokali
ARA: X’qal Joseph Muscat dwar l-ekonomija, il-korruzzjoni, il-Covid u l-futur tiegħu?

F’intervista fil-programm ta’ TVM L-Erbgħa fost il-Ġimgħa, l-ex Prim Ministru Joseph Muscat qal li għalkemm kien qed jippjana li jtemm il-karriera politika tiegħu, kif kien dejjem qal wara żewġ leġislaturi, xtaq kellu tmiem iktar trankwill.

Jumejn wara li rriżenja minn Membru Parlamentari, Dr Muscat tkellem dwar il-kisbiet li għamel fid-drittijiet ċivili, l-ekonomija, u l-immigrazzjoni fost l-oħrajn, filwaqt li kien mistoqsi wkoll dwar l-iżbalji li għamel meta kien Prim Ministru fosthom dwar l-ambjent u l-governanza. Dr Muscat qal li se jħalli l-istorja tiġġudikah dwar il-legat tiegħu.

“Jien minn dawk in-numri kollha li jissemmew taf x’inhu n-numru li l-iktar li nieħu pjaċir bih 72,000 huma l-postijiet tax-xogħol ġodda netti li nħolqu f’pajjiżna, li iktar minn 56,000 minnhom ġew fis-settur privat fi żmien kemm domt jien PM. Kien hemm affarijiet li stajt għamilt aħjar, stajt ftaħt għajnejja iktar. Kien hemm affarijiet li forsi jien stajt ħadt deċiżjonijiet aħjar.”

Dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia qal li ma kellu x’jaqsam xejn. Qal li ma setax ma jirreżenjax wara l-allegazzjonijiet li saru b’rabta mal-qtil tas-Sinjura Caruana Galizia u stqarr li għandu fiduċja fil-Qorti u l-awtoritajiet li se ssir ġustizzja f’dan il-każ, li qal issolva fi żmien meta kien hu Prim Ministru.

“Tlabt li jkun hemm intervent mill-Istati Uniti f’dan ir-rigward tlabt li nġibu l-esperti Olandiżi, tlabt li jiġu l-Europol, taħseb li kieku kelli xi finger in the pie f’dan kollu inċaqlaq id-dinja biex insolvu dan il-każ. Issolva dan il-każ, issa l-ġustizzja tara jekk hux fit-triq it-tajba jew le imma nerġa’ ngħidlek fuq każ tant maġġuri li ħadd ma jemmen li kein se jissolva, ħadd ma kien jemmen li ħa jissolva mela hawn Malta qatt issolviet splużjoni ta’ bomba, qatt xi darba. nerġa’ ngħid lanqas fuq ħruq ta’ bieb ma kien issolva. Aħna bi Gvern imexxi minni dan il-każ solvejnieh.”

Mistoqsi dwar il-Covid, Dr Muscat qal li l-Gvern qed jimxi tajjeb u jemmen li s-sitt xhur li ġejjin huma kruċjali biex jintlaħaq bilanċ bejn is-saħħa u l-ekonomija tal-pajjiż.

“Irridu nilħqu billanċ bejn li l-iskejjel iridu jibqgħu miftuħa, jiġifieri u alla ħares jagħlqu l-iskejjel. jekk irid ikun hemm irid ikun hemm partial lockdown. Pereżempju, l-anzjani tagħna jridu jibqgħu ġewwa. Il-mument li l-vaċċin jitħabbar anke pisikoloġikament in-nies ħa jkun qegħdin ferm aħjar.”

Dwar l-abort, għalkemm hu mhux favur li jidħol f’Malta, Dr Muscat qal li l-mara għandu jkollha dritt tagħżel xi trid tagħmel jekk tiġi f’sitwazzjoni li ma tridx it-tarbija.

B’rabta mal-futur tiegħu, Dr Muscat qal li mhux bi ħsiebu jirritorna fil-politika u se jkun qed jaħdem bħala ekonomista fis-settur privat.

Segwi siltiet mill-intervista li ta Joseph Muscat.: