Annimali
Ara x’qala’ l-baħar!

Bil-maltemp u l-baħar imqalleb li ilu jaħkem il-gżejjer Maltin għal dawn l-aħħar jiem, reġgħet tfaċċat brama perikoluża.

Fil-bajja ta’ Għajn Tuffieħa, jumejn ilu, instabet dik li tissejjaħ il-Portuguese man o’war.

L-espert tal-bijoloġija marittima, Dr Alan Deidun spjega kemm din il-brama hija perikoluża u qatt m’għandha tintmess lanqas jekk din tkun mejta. It-tingiża ta’ din il-brama tikkawża uġigħ kbir l-għaliex ikun fiha l-velenu.

Huwa spjega kif l-uġigħ jintensifika meta wieħed iżid il-ħall jew l-alkaħol mat-tingiża. L-aħjar kura hija s-sħana – fejn wieħed jista’ juża xi hot water bottles jew jintefa’ f’banju sħun biex itaffi l-uġigħ.

Għalkemm din l-ispeċi ta’ brama hija meqjusa tropikali u tinsab l-aktar fl-oċean Paċifiku u Atlantiku, jaf xi kultant, l-aktar matul l-istaġun tar-rebbiegħa, issib ruħha fil-baħar Mediterran.

Minkejja li l-bram huwa assoċjat mat-temperaturi sħan, kienu bosta li lemħu dawn il-ħlejqa jgħumu f’wiċċ l-ilma kiesaħ ta’ Jannar.

Tista’ tkompli taqra dwar din l-ispeċi ta’ brama hawn