Annimali
ARA: X’qalu sidien ta’ klieb dwar il-bajjiet limitati fejn jistgħu jgħumu l-klieb?

Biex itaffu mis-sħana tas-Sajf, bosta jerħulha lejn il-baħar biex jiffriskaw ftit, b’uħud mill-għawwiema jkunu jixtiequ jieħdu magħhom lill-klieb tagħhom.

Iżda l-postijiet għall-għawm tal-klieb huma limitati għal 8 f’Malta u 2 f’Għawdex, bil-parti l-kbira tagħhom għandhom problema ta’ aċċessibilità. Sidien tal-klieb li tkellmu ma’ TVM qed jitolbu biex ikun hawn iktar bajjiet fejn ikunu jistgħu jniżżlu l-klieb tagħhom il-baħar, bil-Ministeru għall-Ħarsien tal-Annimali qal li lest jikkonsulta biex tiżdied il-lista ta’ bajjiet għall-għawm tal-klieb.

Fil-bajja ta’ xatt is-sajjieda f’Marsaxlokk, hemm tabella li tispeċifika li l-klieb ma jistgħux jgħumu fiha. Dan minkejja li l-bajja ta’ Marsaxlokk hija fost għaxar żoni fejn skont l-avviż legali ippubblikat fil-gazzetta tal-gvern fl-2013, il-klieb jistgħu jgħumu fihom.

It-tmien bajjiet f’Malta fejn il-klieb jistgħu jittieħdu jgħumu huma f’Daħlet ix-Xmajjar fiż-żona tal-Aħrax u qrib it-Torri l-Abjad l-Armier, il-bajja tal-Imġiebaħ Selmun, iż-żona ta’ wara l-Isplash and Fun Baħar iċ-Ċagħaq, iż-żona ta’ Tigne Point Tas-Sliema, il-Bajja tar-Rinella fil-Kalkara, il-Ponta taż-Żonqor Wied il-Għajn, ix-xatt tas-Sajjieda f’Marsaxlokk.

F’Għawdex, il-klieb jistgħu jgħumu biss fi Mġarr ix-Xini u l-Bajja tax-Xwejni f’Marsalforn.

“Dawk huma l-postijiet li hemm fil-gazzetta tal-gvern huma identifikati u huma dawk il-postijiet fejn jistgħu jieħdu lill-klieb tagħhom jgħumu,dan wara kollox għandhom kull dritt biex jieħduhom jgħumu wkoll,” qal il-Ministru għall-Ħarsien tal-Annimali Anton Refalo.

Uħud mis-sidien tal-klieb li tkellimna magħhom esprimew id-diffikultà li jsibu biex jieħdu lil klieb tagħhom jgħumu, fosthom minħabba n-nuqqas ta’ aċċessibilità għalihom. Qalu li minkejja li ma jippretendux li għandhom jieħduhom fuq il-bajjiet tar-ramel li huma ipprojbiti għall-klieb, huwa kważi impossibli li jsibu bajja fejn il-klieb jitħallew jgħumu mingħajr problemi.

Is-sidien tal-klieb qalu wkoll li huwa kważi impossibli li klieb ta’ daqs medju u kbir jinżammu biċ-ċinga il-ħin kollu waqt li jkunu fuq il-bajjiet. Iżda bil-liġi huma obbligati jżommu l-klieb biċ-ċinga fuq il-bajja u jneħħuhielhom x’ħin iniżżluhom fil-baħar.

L-iktar li tiffrustra lis-sidien tal-klieb iżda li ġieli sabu tabelli ma’ wiċċhom li ma jistax isir għum minn klieb f’xi waħda mill-10 bajjiet permessi bil-liġi.

Il-Ministru Anton Refalo qal li t-tqegħid ta’ tabelli fil-bajjiet fejn huwa permess li jsir l-għum mill-klieb huma illegali.

“Ma jistgħux għax dawk huma postijiet maħruġin fil-gazzetta tal- gvern fejn hemmhekk huwa permess li jieħdu l-annimali tagħhom il-klieb tagħhom jgħumu… imma hemm xi kunsilli lokali li qed jagħmlu tabelli? dawk huma illegali,” qal il-Ministru Refalo.

Il-Ministru Refalo qal li l-gvern irid jirrikonċilja l-interessi ta’ dawk kollha li jagħmlu użu mill-bajjiet fis-Sajf. Qal ukoll li l-gvern qed jikkunsidra li jirrevedi il-liġijiet eżistenti u jżid iż-żoni li fihom jista’ jsir għawm mill-klieb wara li jikkonsulta mal-partijiet involuti.

Aħbarijiet Oħra

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol ħabbar li, filwaqt li l-edukaturi se jidħlu lura għax-xogħol fit-28 ta’ Settembru kif skedat, l-istudenti se jibdew jidħlu lura mis-7 t’Ottubru. L-istudenti tal-istat tal-età obbligatorja se…

Il-karozza tas-Sindku tal-Belt Valletta, Alfred Zammit, dal-lejl ħadet in-nar, f’dak li qed jiġi deskritt bħala att vandalu. Il-Pulizija qalet lil TVM li kien għall-ħabta ta’ nofsillejl li ssejħet fi Triq…

Heritage Malta ħabbret li se tkun qed tiftaħ għadd ta’ siti mix-xahar li ġej. Fi stqarrija l-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Noel Zammit, qal li l-aġenzija qed toħroġ b’inizzjattivi varji…

Raġel Franċiż ta’ 23 sena li joqgħod is-Swieqi weġġa’ serjament wara li fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu waqa’ f’San Ġiljan. Il-Pulizija kienet infurmata bl-inċident fi Triq Santu Wistin għall-ħabta tal-4.00am. Il-Pulizija tad-Distrett…

Aktar