COVID-19
ARA: X’qed jiġri u x’għandu jsir fid-djar tal-anzjani biex titrażżan l-imxija?

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali, Matthew Vella qal l-anzjani li jirriżultaw pożittivi għall-Covid-19 jiġu iżolati mmedjatament biex l-imxija ma tkomplix tinfirex. Huwa kien intervistat live waqt il-bulettin tal-aħbarjiet tat-8 p.m. ta’ Television Malta fejn qal li wara l-aħħar żviluppi fir-rigward tal-COVID-19 u skont diskussjonijiet u direzzjoni mogħtija mill-awtoritajiet tas-saħħa pubblika, l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali ħarġet ċirkulari li tgħid li kull kap ta’ dar tal-anzjani għandu jiżgura li r-residenti joħorġu mid-dar biss għal appuntamenti mediċi jew meta jkollhom bżonn kura medika.

Huwa kkwota anki minn stqarrija li ntbagħatet aktar kmieni l-Ħadd u semma kif minn Ġunju tal-2020, l-awtoritajiet introduċew l-eżerċizzju ta’ ttestjar regolari fid-djar residenzjali tal-anzjani.

L-azzjonijiet li ttieħdu jinkludu, protokolli bbażati fuq evidenza u residenti ġodda jew li kienu fil-komunità, jinżammu għal perjodu ta’ kwarantina qabel jidħlu f’residenza. Żdiedu sodod ta’ kontinġenza biex issir l-iżolazzjoni għar-residenti li jinsabu pożittivi u ssaħħew il-mezzi ta’ infection control fid-djar residenzjali. Qed isir ittestjar regolari ta’ residenti u tal-istaff – sal-lum, saru aktar minn 10,000 swab kemm fost ir-residenti u anke lill-istaff li jaħdmu fid-djar residenzjali.

Azzjonijiet oħra huma li l-viżitaturi ma jkollhomx kuntatt dirett mal-anzjani imma l-viżti jsiru minn wara l-perspex bil-qraba jistgħu jikkomunikaw ukoll mar-residenti permezz tat-teknoloġija u tnaqqsu n-nies li jidħlu fid-djar għal dawk biss ta’ ħidma essenzjali. Ingħata aktar taħriġ lill-istaff u li l-istaff kemm jista’ jkun, ikun limitat għad-dar li jaħdmu fiha.

Intqal li meta l-COVID-19 infirxet fil-komunità, din laqtet ukoll lid-djar tal-anzjani. Permezz ta’ ttestjar regolari, ġew identifikati l-każi fid-djar tal-anzjani mal-ewwel u komplew jittieħdu aktar miżuri għall-ġid tal-anzjani u tal-istaff.

Bħalissa hemm erbat idjar tal-anzjani, li huma s-Simblija, Casa Antonia, Casa San Paolo u Residenza San Ġużepp, li għandhom każi pożittivi tal-COVID-19 u b’total ta’ 57 każi attivi ta’ residenti.

F’kull dar residenzjali tal-anzjani li ġiet milquta mill-COVID-19, ġew ittestjati kemm residenti kif ukoll l-istaff. Barra minn hekk, id-djar qed japplikaw il-proċess ta’ staff-to-patient allocation, safe bubbles f’kull sular kif ukoll miżuri għolja ta’ infection control. Dan kollu qed isir sabiex jonqos ir-riskju li jinfirex il-virus. F’dawn id-djar, ir-residenti kollha li ġew negattivi qed jerġgħu jiġu ttestjati wara tlett ijiem sabiex ikun hemm monitoraġġ għoli ta’ din is-sitwazzjoni.

Il-qraba tar-residenti kollha li qegħdin fid-djar residenzjali li għandhom każijiet pożittivi u negattivi qed jiġu infurmati bl-iżviluppi u bil-kundizzjoni tar-residenti.

L-awtoritajiet jinsabu kommessi li jkomplu jissalvagwardjaw is-saħħa u s-sigurtà tar-residenti kollha fid-djar residenzjali tal-anzjani u se jkomplu dejjem iżidu n-numru ta’ testijiet li jsiru kuljum kif ukoll il-monitoraġġ permezz ta’ spezzjonijiet minn esperti fl-infection control f’dawn id-djar u kura għal dawk affettwati.

Ara l-intervista sħiħa hawn.

Ara wkoll:

Iserraħ moħħ il-qraba li l-ħaddiema ta’ Dar San Ġużepp fil-Fgura qed jieħdu ħsiebhom