Lokali
ARA: X’sar mill-kolonna li kien hemm fin-nofs tat-Tritoni?

Restawrata l-kolonna li ma kinitx fid-disinn oriġinali tat-Tritoni. Se titpoġġa fi ġnien f’Tas-Sliema b’tifkira tal-artist Ċensu Apap.

Ġnien George Bonello du Puis f’Tas-Sliema se jilqa’ l-kolonna li għal aktar minn kwart ta’ seklu rifdet min-nofs il-plattin tal-funtana tat-Tritoni. Għalkemm din ma kinitx fid-disinni oriġinali tal-funtana, u issa m’għadx hemm bżonnha, il-kolonna ma ntremietx. Il-Ministeru għall-Infrastruttura u Proġetti Kapitali rrestawra din il-biċċa xogħol artistika li se titpoġġa f’dan il-ġnien biex tfakkar lil wieħed mill-akbar artisti Maltin tas-seklu għoxrin: Ċensu Apap

Il-funtana tat-Tritoni issa ilha aktar minn ħames xhur taħdem kif maħsub wara xogħol estensiv ta’ restawr li ħareġ mill-ġdid is-sbuħija tal-figuri tal-bronz, u b’sistema moderna ta’ ilma u dawl. Minn kif jiftakruha ħafna, fil-funtana hemm nieqsa kolonna fil-parti ċentrali. Din ma kinitx fid-disinn oriġinali tal-artist Ċensu Apap iżda żdiedet fl-1986, wara talba li saret lill-istess artist biex tirfed il-plattin, li kien ċeda f’inċident aktar qabel.

Il-Konsulent fuq ir-restawr tat-Tritoni, Kenneth Cauchi qal “dan l-appoġġ li sar fiċ-ċentru ħoloq problemi ta’ spazju fil-grupp skulturali, li dan tilef il-pjaċir artistiku tal-funtana. Ċensu stess kienet weġġa’ ta’ qalb kbira għalih li jara d-disinn tiegħu mibdul b’dan il-mod.”

Bir-restawr li sar is-sena l-oħra f’Firenze, fil-figuri ntrama qafas tal-azzar biex jissudahom u jkunu jifilħu l-piż tal-plattin bl-ilma. Għalhekk il-kolonna setgħet titneħħa. Il-Project Manager, l-Inġinier Joseph Scicluna, spjega li din il-kolonna fiha preġju artistiku u l-Ministeru għall-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali ħa l-inizjattiva li jirrestawraha Firenze bi spiża li laħħqet is-€37,000. Ix-xogħol tlesta u l-kolonna tinsab lura Malta.

Il-Project Manager fil-Ministeru għall-Infrastruttura u Proġetti Kapitali, Joseph Scicluna qal “ridna nsibu post fejn din inkunu nistgħu nqiegħduha u tkun tista’ titgawda mill-pubbliku. Bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema, dawn indikawlna żewġ postijiet fejn setgħet tiġi din il-kolonna fejn il-baħar u aħna għażilna l-aktar waħda addattata li hu fil-ġnien ta’ Qui si Sana, faċċata fejn kien joqgħod l-iskultur Vincent Apap li għamel din il-kolonna.”

Il-kolonna għandha rabta mal-ambjent marittimu. Il-konsulent dwar ir-restawr tat-tritoni, Kenneth Cauchi, qal li Apap ħoloq kaskata ta’ ħaxix tal-baħar, bi tliet gawwijiet iduru magħha.

“L-element tal-alka, tal-ħaxix tal-baħar hu mehud mit-tritoni stess għax it-Tritoni, it-tlieta li huma fil-bażi tagħhom għandhom l-alka wkoll, anke fuq ġisimhom, biex l-artist kemm jista’ jkun żamm il-link mat-Tritoni. Però bħala rendering artistiku, l-alka li għandna oriġinali hi ferm aktar fina u klassika. Mentri din hi impressjonistika u maħduma raffa” qal Kenneth Cauchi.

Din l-iskultura għolja tliet metri u nofs saret fil-Funderia Idea Arte Bronzo ta’ Verona.

Aħbarijiet Oħra
Ikel

Intemm l-għasir tal-għeneb għall-inbid u issa, mal-bidu tal-ħarifa, jinsab fl-aqwa tiegħu l-istaġun tal-għasir taż-żebbuġ. Għal Jesmond Psaila, tmiem Settembru jfisser il-bidu ta’ staġun li jipproduċi dak li ħafna jfittxu fuq…

Kronaka

Matul il-lejl li għadda raġel miċ-Ċili waqa’ l-baħar taħt il-lukanda Kavallieri f’San Ġiljan. Huwa nstema’ jgħajjat u jitlob l-għajnuna. Fuq il-post marru l-Pulizija, membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku…

Lokali

Id-Dipartiment tad-Dwana qiegħed joħroġ għall-bejgħ bl-offerta eluf ta’ fliexken b’xorb alkoħoliku, li jvarjaw bejn whisky, vodka, gin, bacardi, brandy, rum, xampanja, inbejjed u birer, maqbuda mid-Dipartiment f’dawn l-aħħar xhur. Fi stqarrija, id-Dipartiment…

Aktar