Frank Fabri jwieġeb lill-istudenti dwar l-eżamijiet

Il-Pandemija tal-Covid19 ħalliet impatt qawwi fuq prattikament kull settur ta’ ħajjitna. Fost dawn is-setturi nsibu s-sistema edukattiva ta’ pajjiżna. F’dawn l-aħħar xhur smajna b’numru ta’ diskussjonijiet jaħarqu bejn l-imsieħba prinċipali. B’riżultat ta’ dan ħafna mit-tagħlim kellu jittrasferixxi ruħu online.

Popolin tkellem ma’ diversi studenti li lkoll urew it-tħassib tagħhom rigward l-eżamijiet tal-aħħar tas-sena. Rigward dan is-Segretarju Permanenti għal-Ministeru tal-Edukazzjoni Dr. Frank Fabri spjega li sa mill-bidu ta’ din is-sena skolastika ttieħdu ħafna miżuri biex l-iskejjel jibqgħu miftuħin. “L-intenzjoni tagħna hi li jerġgħu jinfetħu l-iskejjel biex it-tagħlim, kif qed juru x-xewqa l-istudenti stess, issir mill-klassi”.

Fabri żied jgħid li bħala settur edukattiv preparati għal l-eżamijiet; “l-eżamijiet huma pjanati li jsiru fl-iskejjel. Kif jerġgħu jinfetħu se jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha biex b’hekk l-eżamijiet tal-iskejjel kif ukoll dawk tal-MATSEC isiru fiżikament mill-iskola”. Huwa saħaq li sa issa l-indikazzjonijiet huma ċari; l-iskejjel eventwalment se jiftħu u l-eżamijiet isiru kif ippjanat.  Hemm ukoll pjanijiet ta’ kontinġenza fil-każ li jinqala xi ħaġa li ma tippermettix l-iskejjel li jiftħu, biss wieħed irid jibqa’ kawt u attent għas-sitwazzjoni straordinarja li qegħdin ngħixu fiha.

Mistoqsi mill-preżentatur x’se jiġri minn dawk l-istudenti li kellhom xi eżamijiet imminenti, Fabri tenna li hekk kif ġara f’dawn l-aħħar għaxart ijiem, fejn l-istudenti tal-Form5 kienu diġà bdew xi eżamijiet, l-awtoritajiet infurmaw lill-istudenti u lill-ġenituri li l-eżamijiet se jitkomplew fil-mument li terġa tinfetaħ l-iskola.

Huwa tenna li l-partijiet interessati se jkunu nfurmati bl-iżviluppi kollha. L-istudenti, l-ġenituri u kull min hu involut fis-settur edukattiv se jiġu spjegati pass pass x’se jkun se jiġri fil-mument opportun, fil-każ li jinqala xi ħaġa li ma tippermettix li l-eżamijiet isiru kif pjanat.