Lokali
Ara: Xtrah biex imantni l-familja u għadu jemmen li hawn futur għall-karozzi tal-linja l-antiki

Kien f’Lulju ta’ għaxar snin ilu meta ġiet fi tmiemha l-era tal-karozzi tal-linja l-antiki. Madankollu, Paul Cardona, sid xarabank li ilu għandu għal dawn l-aħħar 17-il sena bit-trakkijiet, jemmen li wirt kulturali bħal dan għad hawn futur għalih.

Intervistat mit-tim ta’ ‘Popolin’, is-Sur Cardona qal li xtara t-trakk biex imantni l-familja. Viżibbilment emozzjonat, qal li għalkemm tal-linja l-antiki m’għadhomx iterrqu fit-toroq ta’ ġżiritna, għażel li jżomm ix-xarabank tiegħu. Karozza tal-linja, lewn is-sema u b’faxx aħmar nar. Kuluri, li jirriflettu r-rotta li l-vettura tas-Sur Cardona kellha fl-inħawi ta’ Birżebbuġa.

Is-Sur Cardona spjega li x-xarabank iqisu bħala membru tal-familja tiegħu u li għadu sal-lum il-ġurnata jiltaqa’ ma’ turisti li kif jilmħulu t-trakk fil-garaxx jitolbuh joħodhom dawra bih.

Is-Sur Cardona żied jgħid li t-trakk sarulu l-arranġamenti meħtieġa biex inaqqas id-dħaħen u tenna li jemmen li għad hawn futur għall-karozzi tal-linja l-antiki.