Ara: ‘Young Love’ – il-kanzunetta l-ġdida ta’ Malcolm Pisani

Fl-aħħar jiem il-kantant Malti Malcolm Pisani nieda l-kanzunetta ‘Young Love’. Kanzunetta, b’ritmu frisk u kurrenti.

Il-produzzjoni mużikali tas-silta saret tefgħa ta’ ġebla bogħod minna, fl-Italja mid-DJ u producer Ticli & Gas f’perjodu meta l-Italja kienet f’lockdown totali. Il-kanzunetta ħarġet ftit aktar tard milli kien ippjanat minħabba ċ-ċirkostanzi straordinarji li qed ngħixu.

F’kummenti lil tvm.com.mt l-artist żagħżugħ Malti stqarr li jinsab fis-seba’ sema li fi xtutna l-vidjo mużikali rawha aktar minn 95,000 ruħ fi żmien xahar. Qal, li jinsab kuntent u sodisfatt ukoll għall-fatt li l-kanzunetta bdiet tindaqq f’radjijiet barra minn Malta wkoll.

Il-vidjo mużikali ta’ ‘Young Love’ nħadem mit-tim ta’ Clive Pace Films b’direzzjoni ta’ Emanuel Pace. Il-produzzjoni tas-silta hija ta’ Malcolm Pisani stess, ta’ Rita Pace u ta’ Kim Cutajar.

Fil-filmat ħadu sehem għadd ta’ żeffiena minn A-line Dance Academy taħt id-direzzjoni ta’ Alana Bondin u l-mudella Kylie Coleiro.

Malcolm Pisani għandu singles oħrajn li rnexxielhom jiksbu l-quċċata ta’ klassifiki mużikali lokali. Il-kanzunetta ‘Summer Love’, partikolarment ġiet irreġistrata ma’ record label indipendenti fi Spanja.