Ambjent
ARA: Żejt tal-industrija jintrema fuq l-irdum ta’ Għar Ħasan

Voluntiera li jnaddfu żoni rurali f’Birżebbuġa, jumejn ilu sabu sfreġju ambjentali. Fuq ix-xagħri ta’ Għar Ħasan, li joffri xena mill-isbaħ ta’ baħar miftuħ u ta’ Filfla, xi ħadd xerred ammont kbir ta’ żejt industrijali.

Għalkemm il-voluntiera spiss isibu skart li ma jkunux qed jinstennew, din il-ġimgħa sabu dak li ddeskrivew bħala diżastru meta kienu qed inaddfu l-inħawi ta’ Għar Ħasan; gelgul ta’ żejt industrijali li jibda minn mal-ġenb tat-triq u jibqa’ nieżel fix-xagħri.

Il-materjal, li għadu ma nixifx, inxtered f’postijiet varji madwar l-irdum, u qiegħed jikkontamina l-ħamrija. Biż-żarbun iwaħħal mal-art u b’riħa qawwija ta’ żejt, imxejna tul il-passaġġ li minnu niżlet kwantità kbira ta’ żejt.

“Waqt li konna qed nagħmlu din il-clean up, indunajna li hawn dan iż-żejt kollu maħruq, jibda minn hemm fuq s’hawn isfel, li xi ħadd bla qalb, tista’ tgħid, tefa’ dan iż-żejt maħruq f’din iż-żona tant sabiħa ta’ Birżebbuġa,” qalet Maria Mifsud, Kunsilliera f’Birżebbuġa responsabbli għall-ambjent.

Is-Sinjura Mifsud spjegat li biex iż-żejt jitnaddaf, se jkun hemm bżonn biċċa xogħol kbira.

“Hija ħasra għaliex dan fih ħafna xogħol biex jitnaddaf, minbarra l-ħsara li ssir hija waħda irreparabbli, meta hawn faċilitajiet komdi llum-il ġurnata fejn tmur tarmi daż-żejt.”

Is-Sinjura Mifsud qalet li kienet infurmat b’dan l-isfreġju lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, u tittama li tittieħed azzjoni malajr biex ma tkomplix tikber il-ħsara.