Barranin
ARA: Żewġt iklieb isalvaw tfajla fl-Italja li kienet se tegħreq

Żewġt iklieb imħarrġa apposta għas-salvataġġ fil-baħar kienu strumentali biex tfajla ta’ 15-il sena tittella’ l-art b’wiċċ il-ġid.

It-tfajla kienet qed tgħum fix-xtajta ta’ Palinuro f’baħar qawwi, meta l-mewġ kaxkarha ‘l barra u bdiet issib diffikulta biex tidħol lura fil-baxx.

Żewġ iklieb tar-razza Labrador mill-Iscuola Italiana Cani Salvataggio, flimkien ma’ żewġ membri tas-salvataġġ li jaħdmu ma’ dawn il-klieb, ħarġu għal din it-tfajla f’baħar jibla’ l-art.

It-tfajla ħatfet ma’ wieħed mill-klieb u bil-mod telgħu lura fuq ir-ramel b’wiċċ il-ġid. Fil-filmat miġbud minn persuni fuq il-bajja t-tfajla tidher tpoġġi mal-art u titfa’ wiċċha bejn idejha, x’aktarx taħt xokk mill-esperjenza kerha li kienet għadha kemm għaddiet minnha.