Barranin
Ara: Żewġt iklieb isalvaw tifla li kienet qed tegħreq fl-Italja

Żewġt iklieb imħarrġa biex isalvaw il-persuni fil-baħar salvaw tifla ta’ 15-il sena li kienet qed tegħreq waqt li kienet qed tgħum ma’ sħabha fin-naħa t’isfel tal-Italja.

L-inċident seħħ fl-ibħra tal-belt ta’ Palinuro fil-komun ta’ Centola f’Salerno.

It-tifla, li skont rapporti fil-midja Taljana jisimha Ilenia, inġarret mill-kurrenti qawwiija u tbiegħdet sew mix-xatt. Minnufih, kif jixhed filmat ippubblikat minn skola li tħarreġ lill-klieb biex isalvaw lil min isib ruħu f’diffikultà fil-baħar, il-klieb Igor u Luna tar-razza Labrador intefgħu l-baħar bil-għan li jsalvaw liċ-ċkejkna. B’xorti tajba, Ilenia ħelsitha ħafif.