ARA: Żewġt iknejjes parrokkjali b’dehra ġdida bix-xogħlijiet ta’ restawr

Il-knejjes parrokkjali ta’ żewġ irħula – it-tnejn dedikati ‘l Santa Marija lestew b’mitejn elf Ewro f’xogħol ta’ ħarsien ta’ patrimonju kulturali. Fl-Imġarr ix-xogħol sar fuq barra tal-Knisja waqt li f’Ħad-Dingli twettqu għadd ta’ interventi fuq diversi opri artistiċi. Il-maġġoranza tal-fondi nħarġu mill-Unjoni Ewropea, bil-kumplament minn flus li jinġabru mill-parroċċi nfushom.

Tispikka fil-faċċata imponenti tal-Knisja Parrokkjali tal-Imġarr pannella tal-mużajk li hemm mal-frontispizju u li turi t-titular ta’ din il-parroċċa: it-Tlugħ fis-Sema tal-Madonna. Il-pannella li hi maqsuma f’ħames biċċiet inħattet kollha biex sar restawr tal-mużajk. Kien hemm ukoll diversi biċċiet tal-mużajk nieqsa li saru mill-ġdid. Din l-opra tal-arti saret fl-1945 u nġiebet mill-Italja mat-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija. Ix-xogħol sewa €118,000.

F’Ħad-Dingli, b’investiment ta’ kważi €100,000 sar il-konservazzjoni u r-restawr ta’ diversi opri tal-arti fosthom 15-il pittura: it-titular tal-artal tal-Madonna tar-Rużarju, żewġ kwadri kbar li juru ż-żwieġ bejn il-Madonna u San Ġużepp u l-Epifanija u l-kwadri bl-istazzjonijiet tal-Via Sagra. Intervent li ħa diversi ġimgħat kixef mill-ġdid il-ġmiel ta’ disinn dekorattiv impinġi fuq il-ħajt tan-niċċa li tilqa’ l-istatwa tal-Madonna tar-Rużarju. Fl-imgħoddi, id-disinn kien tgħatta b’wallpaper. Ġie restawrat ukoll il-pedestall tal-istatwa. Intervent delikat li ħa ħafna xogħol u ħin kien fuq statwa tal-injam li turi ‘l San Ġwann il-Battista. L-istatwa nġiebet Malta mill-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann. Ix-xogħol kixef l-ilwien oriġinali u għadd ta’ graffitti. Fuq l-istatwa għaddejjin aktar studju u riċerka.

Dawn ix-xogħlijiet gawdew minn fondi tal-Unjoni Ewropea wara ħidma li saret mill-Fondazzjoni Patrimonju Kuturali tal-Knisja f’Malta.

“Dan hu xogħol li qed isir flimkien mal-fondazzjoni li tieħu ħsieb il-wirt eklessjastiku f’Malta. Xogħol importanti, li permezz tiegħu dak li ħallew missirijietna qed naraw li nħalluh fi stat tajjeb, nikkonservawh u nagħmlu r-restawr kollu meħtieġ biex inħalluh lil ta’ warajna ferm aħjar.”

Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi ħabbar li aktar ‘il quddiem din is-sena se joħorġu sejħiet għall-offerti għal xogħol f’10 parroċċi u fl-Arkivji tal-Knisja.

L-Isqof Awżiljarju, Monsinjur Joseph Galea Curmi qal li l-Knisja hi fir-responsabità li tħares il-wirt kulturali Kattoliku.

“Aħna nagħmluh dan għax meta nagħmlu dan l-isforz li nħarsu dak li hu għażiż għalina nistgħu ngawduh ħafna aħjar aħna llum bħalma qed nagħmlu f’dawn iż-żewġ parroċċi imma wkoll anke lil ta’ warajna biex jibqgħu jgawdu s-sabiħ li għandna.”

L-Isqof Galea Curmi awgura lill-parruċċani ta’ Ħad-Dingli u l-Imġarr biex jibqħu jieħdu ħsieb il-knejjes tagħhom u jħarsu l-wirt naturali li hemm fil-konfini ta’ dawn il-lokalitajiet maqtugħin għalihom li li jispiraw serenità.