Lokali
Ara: Żvelata l-verżjoni ta’ Chasing Sunsets b”cartoon video’ li se jakkumpanjaha fil-JESC – jiddomina messaġġ ta’ kuraġġ

Xahar ‘il bogħod mill-finali tal-Junior Eurovision Song Contest 2020 li din is-sena se tittella’ b’mod differenti mill-kapitali Pollakka, Varsavja, iċ-ċkejkna Chanel Monseigneur tiżvela pass ieħor fit-tħejjijiet tagħha għal din il-finali. Fl-aħħar ħin tnediet il-verżjoni b’arranġament ġdid ta’ ‘Chasing Sunsets’, il-kanzunetta Maltija li din is-sena mistennija tirrappreżenta lill-gżejjer Maltin f’dan il-‘contest’. Fl-istess waqt ġew rilevati wkoll l-elementi viżwali animati li se jkunu qed jakkumpanjaw lil Chanel waqt l-interpretazzjoni tagħha fil-finali. Animazzjoni li flimkien mal-lirika timraħ fil-ħsibijiet tat-tfal. Il-kanzunetta tirrifletti l-attitudni ferm pożittiva li lkoll għandna nħaddnu bil-għan li nilħqu l-ambizzjonijiet tagħna. Valuri, li jikkaratterizzaw lil Chanel, tifla ta’ disa’ snin li din is-sena se tkun qed tirrappreżenta ‘l Malta u ‘l Għawdex fil-JESC.

Fi ftit kliem, ‘Chasing Sunsets’ tixhed il-fatt li Chanel tara lilha nnifisha ħielsa bħall-għasafar. B’analoġija għal-libertà li jgawdi minnha t-tajr, Chanel temmen li anki hi kapaċi tilħaq il-ħolm tagħha b’determinazzjoni minkejja l-għadd ta’ sfidi u ostakli li dak li jkun jiltaqa’ magħhom minn żmien għal żmien.

F’dan l-isfond, il-kanzunetta tirrifletti wkoll il-mument straordinarju li lkoll għaddejjin minnu. Fil-‘cartoon video’ Chanel fost l-oħrajn tħares lejn ix-xemx nieżla u toħlom f’għada aħjar. Tittama, li bi ftit aktar sagrifiċċju dalwaqt inkunu nistgħu nimirħu liberi bħall-għasafar.

Il-lirika tal-kanzunetta hija xogħol Emil Calleja Bayliss, filwaqt li l-kompożizzjoni hija ta’ Aleandro Monsigneur, Peter Borg u Joe Roscoe. L-imħuħ wara l-animazzjoni huma Gordon Bonello, Andrew Scicluna u Chanel Monseigneur.