Tradizzjonijiet
Ara: 5 użanzi mhux tas-soltu lejliet l-ewwel tas-sena madwar id-dinja

L-aħħar jum tas-sena reġa’ magħna. U, bħal-lejla, mal-erba’ rjiħat tad-dinja, kull pajjiż, bil-modi differenti tiegħu, jiċċelebra d-dħul ta’ sena ġdida.

Iżda, ġieli staqsejt jekk hawnx xi pajjiżi li għandhom xi tradizzjonijiet partikolari u mhux tas-soltu marbutin mal-lejla? Fost l-aktar użanzi li jispikkaw, mill-aktar superstizzjuża sal-aktar waħda makabra, 5 pajjiżi.

L-Italja

Bħala poplu, it-Taljani huma xi ftit jew wisq superstizzjużi. Bħal-lejla, speċjalment minn Ruma ‘l isfel, għadha ħajja t-tradizzjoni li mat-tokki ta’ nofs il-lejl jwaddbu platti, tazzi, u pożati ta’ kull xorta barra mit-tieqa. Donnhom ikunu qed jistennewh bi ħġarhom l-ewwel tas-sena dawk li jbigħu l-kċejjen. Użanza oħra fost it-Taljani hija li jilbsu qliezet ta’ taħt ta’ lewn ħamrani.

Spanja

Fost l-oħrajn, l-Ispanjoli, fl-aħħar tnax-il sekonda qabel ma jdoqqu nofs il-lejl, imdorrijin jaqbdu għanqud għeneb u jieklu tnax-il għenba. Jemmnu, li dan il-ġest iġibilhom il-kuntentizza u xi kemxa flus tajba fis-sena l-ġdida.

Ir-Russja

Hekk kif jeqleb nofs il-lejl, ir-Russi jiftħu l-bieb ta’ barra beraħ. Ġest, li skonthom bih jilqgħu s-sena l-ġdida, litteralment. Addijo l-kesħa xxoq l-għadam. Lejliet l-ewwel tas-sena wkoll, bosta jiġu jaqgħu u jqumu mill-kesħa, u jaqbżu qabża f’waħda mix-xmajjar tagħhom, bit-tama li ma tiqfilhomx qalbhom. Mhux darba ngħixu?

Il-Perù

Iċ-ċelebrazzjonijiet hawn donnhom jaħarqu xi ftit, fil-veru sens tal-kelma. Bħal-lejla, fit-toroq, il-Perù joħorġu għadd ta’ manekkini magħmulin mill-kartapesta. U, kif jeqleb nofs il-lejl, jaħarquhom. Liema użanza, issir fl-Ekwador ukoll.

Iċ-Ċili

Jekk kont mingħalik li l-użanza tal-manekkini fil-Perù kienet l-aktar waħda makabra, mela għarralek. Fiċ-Ċili, bosta, lejliet l-ewwel tas-sena jqattgħuh fi ħdan iċ-ċimiterji, biex jiċċelebraw is-sena l-ġdida mal-għeżież mejtin tagħhom. U, la semmejna l-ħwejjeġ ta’ taħt ħomor fl-Italja, iċ-Ċili donnhom lejliet l-ewwel tas-sena jilbsuhom sofor.

Aħbarijiet Oħra
Artiġjanat

Kull pajjiż madwar id-dinja miżgħud bis-snajja’ u t-tradizzjonijiet partikolari u distinti li wiret mingħand missirijietu. U, il-gżejjer Maltin, xejn anqas. Fost l-oġġetti ta’ preġju u li huma parti integrali mill-identità…

Barranin

Qalb id-Duomo ta’ Milan, l-isfilati tal-moda, u l-wirt kulturali ta’ preġju li jikkaratterizzaw lill-kapitali tar-reġjun tal-Lombardija, l-Italja, f’dawn l-aħħar jiem, l-artist pop Taljan AleXsandro Palombo nieda għadd ta’ posters li ddiżinja hu…

Trasport

Ir-Renault Clio 5, l-aħħar mudell maħruġ mill-kumpanija Franċiża Renault, għadha kemm ġiet iċċertifikata mill-Euro NCAP bħala l-aktar karozza sigura li hawn fis-suq. Saħansitra, anki meta mqabbla ma’ karozzi oħra li…

Barranin

Filmat li kiseb popolarità kbira fuq il-midja soċjali juri l-mument li mewġ kbir jogħla fuq id-djar fil-gżejjer Baleariċi. Maltempata kbira, imlaqqma Gloria, ħakmet partjiet varji ta’ Spanja fl-aħħar jiem, b’mod…

Aktar