Lokali
Arahom jagħmlu l-aħħar vjaġġ qabel ikissruhom bla ħniena

Waħda biss minn 34 karozza baqgħet timxi u rebħet id-demolition derby – kompetizzjoni organizzata wara nofsinhar f’Ta’ Qali. Għalihom kollha, kien l-aħħar vjaġġ wara snin iterrqu fit-toroq Maltin! Mijiet ta’ nies segwew karozza wara l-oħra titkisser bla ħniena.

Miżbugħin kull kulur u lesti għall-aħħar dawra qabel jiġu skrappjati, 34 karozza kkompetew għal min jirnexxielu jibqa’ għaddej sal-aħħar, anke jekk mhux fuq l-erba’ roti.

Qabel bdiet il-kompetizzjoni, li saret f’parti mit-trakka li tintuża għall-kompetizzjonijiet tal-motorcross f’Ta’ Qali, l-organizzaturi raw li din tkun imxarrba biex l-impatt bejn il-karozzi jkun inqas perikoluż. Daqqa wara l-oħra . . . karozza wara oħra bdew jiġu abbandunati mis-sewwieq tagħhom wara li l-karozza ma tkunx tista’ titħarrek aktar.

Leo Butler, b’Peugeot 205, li bħall-kumplament tal-karozzi li ntużaw f’din il-kompetizzjoni żmienha għadda fit-toroq, irnexxielu jevita d-daqqiet tal-mewt u baqa’ għaddej sal-aħħar.

“Kemm jista’ jkun tibża’ għal quddiem għax quddiem għandek il-magna u l-electronics u wara m’għandek xejn. Kif jasal wara iddur għal quddiem – huma jattakkawlek quddiem biex kemm jista’ jkun il-karozza titwaqqaf malajr,” qal Butler. “Illum il-karozza bdiet taqta’; tperper il-gass; tagħfas il-bużżieqa li tista’ teħdolilha minnha; imbagħad jekk tgħidlek daqshekk tieqaf.”

Fit-tieni post, b’Lada Samara, ikklassifika Fernando Cremona. Esprima sodisfazzjon għar-riżultat li kiseb meta jqis li din kienet l-ewwel darba li pparteċipa f’dan l-isport. “Bdejt nara l-karozzi jonqsu jonqsu – bdejt ninduna li qiegħed mal-aħħar nofs tużżana – għall-ewwel darba sodisfatt ħafna.”

L-ewwel ħaġa li bdeit tgħaddi l-ħin kollu f’moħħi – li ma nweġġgħux lil xulxin – jiġifieri l-iktar interess li kelli dejjem li nara li ma nolqotx in-naħa tax-xufier.

Il-President tal-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi, Francis Deguara qal li għal ‘din il-kompetizzjoni pparteċipaw karozzi li ma kienux itwal minn erba’ metri. Qal li l-organizzaturi jiltaqgħu mas-sewwieqa diversi drabi biex jispjegawlhom ir-regolamenti u l-miżuri tas-sigurta’ li għandhom jieħdu. “It-taħbit jista’ jsir mal-karozza kollha minbarra l-bieba tax-xufier.”

Kulħadd irid iġorr seat belts tajbin ħafna, crash helmet u fire extinguisher u l-karozzi jiġu ċċekkjati biex naraw li l-fjuwil tank ikun f’post sigur ħalli ma jkollniex inċident tan-nar.

Id-dedikazzjoni tas-sewwieqa li joħorġu l-ispejjeż kollha u anke jarmaw il-karozza hi kruċjali biex din il-kompetizzjoni tkun tista’ ssir.

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

Uffiċjali tad-Dwana stazzjonati fl-ajruport qabdu mad-€19,000 fi flus mhux iddikjarati waqt kontrolli ta’ rutina fis-sala tat-tluq. Passiġġiera Maltija li kienet se taqbad titjira lejn Istanbul ġiet mistoqsija jekk jekk kellhiex…

Budget

Il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu, Joe Muscat, jitkellem dwar dak li l-GTA qed tistenna mill-baġit 2019:

Ambjent

Il-Gvern qassam aktar minn tliet mitt siġra lil seba’ kunsilli lokali. Il-lokalitajiet: il-Marsa, l-Imdina, il-Fgura, il-Gudja, Santa Luċija, il-Ħamrun u San Ġiljan ingħataw is-siġar fuq talba tagħhom stess biex ikomplu…

Budget

Il-Kap tal-Politika tal-Kamra tal-Kummerċ, Andre Fenech, jitkellem dwar dak li qed tistenna l-Kamra mill-baġit 2019:

Aktar