Qorti
Argument fuq tifel ta’ 4 snin iwassal 2 żgħażagħ il-Qorti wara ġlieda f’Ħaż-Żabbar

Żagħżugħ ta’ 23 sena nżamm arrestat u żagħżugħ ieħor t’20 sena ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li ġew akkużati li kienu involuti fi ġlieda bejn seba’ persuni l-Ħadd waranofsinhar f’Ħaż-Żabbar li bdiet minħabba kwistjoni ta’ aċċess ta’ tifel ta’ erba’ snin li jiġi iben iż-żagħżugħ ta’ 23 sena.

Il-Qorti semgħet kif l-inċident seħħ meta l-eks sieħba taż-żagħżugħ allegatament ntalbet tiġbor lil binha mir-residenza tal-imputat u mhux skont id-digriet tal-qorti.

Iż-żagħżugħ, minn Ħaż-Żabbar, wieġeb mhux ħati li kkaġuna ġrieħi serji, inkluż ksur fuq l-omm ta’ 25 sena. Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace ma laqgħetx it-talba tad-difiża għall-ħelsien mill-arrest.

Iż-żagħżugħ ta’ 20 sena minn Bormla li tressaq seperatament wara li daħal fil-ġlieda wara li rċieva telefonata mill-vittma li magħha kien hemm ibnu. Huwa ġie akkużat fost oħrajn li m’obdiex l-ordnijiet tal-Pulizija u li huwa reċidiv. Il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq garanzija personali ta’ €20,000. Fiż-żewġ każi ordni tal-Qorti ordnat divjett fuq l-ismijiet minħabba t-tfal tal-akkużati.