Ambjent
Arja iktar nadifa bi tnaqqis fl-emissjonijiet mill-impjant ta’ Delimara – il-kumpanija Ċiniża D3PG

Wara l-bidla tal-magni tal-impjant il-ġdid tal-gass f’Delimara, il-kumpanija li tmexxi l-power station D3 Power Generation Ltd (D3PG) qed tgħid li l-arja li hemm fl-inħawi tal-impjant hija aktar nadifa.

Fi stqarrija, D3PG qalet li l-emissjonijiet ta’ kimiċi tossiċi tant tnaqqsu li llum huma inqas mir-rekwiżiti mitluba mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, kif jidher fit-tabella hawn taħt.  Dan filwaqt li l-impjant kiseb ukoll iċ-ċertifikazzjoni ISO14001 għall-impatt ikkontrollat fuq l-ambjent.

Tnaqqis fl-Emissjonijiet

 

Il-limiti ssettjati mill-Gvern

Wara l-bidla li saret

NOx

50mg/Nm3

35.8mg/Nm3

SOx

100mg/Nm3

0mg/Nm3

CO

100mg/Nm3

3.65mg/Nm3

PM

5mg/Nm3

2.16mg/Nm3

Il-Kap Eżekuttiv ta’ D3PG Zhichao Chen qal li l-kumpanija diġà qed tilħaq il-viżjoni tagħha għal enerġija iktar nadifa u ħajja aħjar.  Il-kumpanija temmen li l-iżvilupp sostenibbli għandu jkun apprezzat fil-kuntest tal-komunità lokali billi l-interess u t-tħassib tar-residenti għandhom dejjem ikunu kkunsidrati.

Dan minbarra li D3PG qed tiżviluppa rapport tajjeb mal-komunitajiet tal-madwar u mal-għaqdiet mhux governattivi.  Fil-jum nazzjonali għar-responsabilità soċjali korporattiva, il-kumpanija qalet li ħadet sehem man-Nature Trust Malta biex tnaddaf is-sit ta’ Natura 2000 magħruf bħala ‘Il-Ballut ta’ Marsaxlokk’.

Is-Sur Chen qal ukoll li l-istudenti tal-inġinerija tal-Università ta’ Malta żaru l-faċilità biex jaraw mill-qrib kif l-esperjenza ta’ Shanghai Electric qed tkun applikata fil-kuntest Malti, filwaqt li max-Xlukkajri, D3PG impenjat ruħha biex ittella’ festival kulturali Ċiniż quddiem il-Knisja Parrokkjali ta’ Marsaxlokk.

Is-Sindku ta’ Marsaxlokk Horace Gauci qal fl-istqarrija li ħafna residenti ndunaw bid-differenza pożittiva li D3PG wettqet f’perjodu ta’ inqas minn 4 snn, u rrefera għall-impenn komunitarju tal-kumpanija biex tneħħi l-ostakli kulturali.