Lokali
Arloġġi mhux tas-soltu ma’ faċċata ta’ knisja – juru ż-żmien u mhux il-ħin

Mal-faċċata ta’ diversi knejjes insibu żewġ arloġġi: wieħed li juri l-ħin u l-ieħor xi tip ta’ arloġġ tax-xemx jew arloġġ finta. Knisja b’faċċata barokka u neoklassika fir-Rabat Għawdex – il-Bażilika ta’ San Ġorġ – ġiet disinjata bi spazju għal żewġ arloġġi li iżda tħallew vojta. Fl-aħħar jiem twaħħlu żewġ arloġġi ġodda li huma uniċi u b’tifsira partikolari…jagħtu enfasi fuq iż-żmien aktar milli l-ħin.

Min f’dawn il-ġranet inzerta fil-pjazza ta’ quddiem il-Bażilika ta’ San Ġorġ fir-Rabat Għawdex, għajnejh faċilment marret fuq żewġ arloġġi ġodda mal-faċċata tal-knisja…arloġġi tal-irħam abjad b’minutieri tal-bronż li ma jurux il-ħin kif soltu mdorrijin. Biex tapprezzahom trid għarfien tal-kunċett wara d-disinn tagħhom.

Dun Joseph Curmi, l-Arċipriet tal-Parroċċa ta’ San Ġorġ fir-Rabat Għawdex qal: “Il-kunċett li mexxiena kien li l-bniedem tal-lum m’għandux bżonn aktar arloġġi li jfakkruh fid-deadlines tal-ħajja. Għandu biżżejjed. Mis-sigħat morna għall-minuti, mill-minuti morna għas-sekondi, millisekondi u nanosekondi. U tant għandna deadlines li prattikament insejna ż-żmien. Weħilna fuq il-ħin u nsejna li hemm żmien ieħor.”

L-Arċipriet saħaq li ż-żmien mhux il-ħin u għalhekk mal-artist John Grima li kien iddisinja l-bieb tal-bronż tal-istess bażilika ġie żviluppat kunċett marbut ma’ Kristu bħala l-milja taż-żmien.

L-arloġġ tax-xellug hu statiku, il-minutiera ma titħarrikx, u jirrappreżenta l-bidu…meta Alla ħalaq iż-żmien u l-bniedem. F’nofsu: l-ewwel ittra tal-alfabet Grieg: l-Alfa.

“Aħna qegħdin fl-aħħar żmien, iż-żmien tas-salvazzjoni li hu raffigurat fil-bieb tal-bronż li jurina li ż-żmien tal-Knisja, iż-żmien li fih qegħdin ngħixu issa, hu żmien li jindirizzana lejn il-futur. U allura t-tieni arloġġ li jaħdem, il-minutiera taħdem, imma inti ma tafx eżatt x’ħin hu! Għax fil-fatt linji m’hemmx, numri m’hemmx għalfejn, għax aħna nilludu ruħna li nafu xħin hu. Nilludu ruħna li bħalissa l-ħdax u nofs jew nofsinhar jew is-sitta ta’ filgħaxija meta fil-fatt fil-ħajja tiegħi u tiegħek jien ma nafx x’hin hu. Ma nafx fejn wasalt! U allura dan l-arloġġ, fil-fatt li tgħid imma allura eżatt x’ħin hu? Eżatt…hu x’ħin hu fil-ħajja tiegħek?”

L-arloġġ tal-lemin juri s-siegħa u ġie stallat martell elettroniku li jindaqq kull siegħa b’tokki ma’ waħda mill-qniepen. L-istallazzjoni tal-arloġġi l-ġodda saret fi tmiem xhur ta’ xogħol fejn ġiet restawrata l-faċata tal-Bażilika, inkluż il-kampnari b’wieħed minnhom kellu jinħatt. Ġew restawrati wkoll il-qniepen, b’dan ix-xogħol kollu kien lest għall-festa ta’ San Ġorġ iċċelebrata fi tmiem din il-ġimgħa.